Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech mar il-Qrendi u ddefenda lid-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, li dwaru ħareġ il-każ li jaqla €51,000 fis-sena u ma jmurx għax-xogħol.
“Għax id-deputati Nazzjonalisti ma jmorrux għax-xogħol ta. Issa apparti li mhux veru.”
Il-gazzetta Illum kienet irraportat li Toni Bezzina hu impjegat mad-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, fejn rarament imur għax-xogħol u meta jmur jagħmel dan biex jimla l-fuel għall-karozza tiegħu biex jużaha għal skop privat.
Fl-aħħar ġimgħat kien irrapportat ukoll li hemm iżjed deputati Nazzjonalisti li ma jmorrux għax-xogħol.
Fost dawn hemm ukoll Justin Schembri, l-edukatur, kien ukoll ikun assenti mill-post tax-xogħol waqt li kien fid-Dipartiment tal-Eżamijiet. Huwa tmexxa biex jerġa’ jkun għalliem fi skola fir-Rabat.
Hemm ukoll David Agius, li jaħdem il-Freeport bħala impjegat tal-Gvern. Il-gazzetta ‘It-Torċa’ rrapportat li Agius għamel żmien twil ma jmurx għax-xogħol imma mbagħad beda jmur b’mod ridott bl-iskuża li għandu x-xogħol parlamentari bħala Deputy Speaker.
B’rabta ma’ dawn tressqu numru ta’ ilmenti minn Neville Gafà quddiem il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.