Il-Gvern Laburista, permezz tal-Ministeru għall-Ambjent, żamm kelmtu mar-residenti ta’ Birżebbuġa, Santa Venera u l-Marsa hekk kif fl-aħħar jiem ġew inawgurati proġetti ambjentali ġodda f’dawn il-lokalitajiet. Dawn il-proġetti ġabu reazzjonijiet pożittivi mir-residenti u anki mis-Sindki.
B’kobor ta’ elf u seba’ mitt metru kwadru, Ġnien l-Indipendenza f’Birżebbuġa, kien ilu żmien twil f’kundizzjoni ħazina b’hekk kien jeħtieġ xogħol qawwi ta’ riġenerazzjoni biex jissodisfa aħjar il-ħtiġijiet tal-komunità tal-lum. Is-Sindku ta’ Birżebbuġa, Scott Camilleri, faħħar il-mod kif il-Gvern qed jaħdem id f’id mal-Kunsilli biex iwettaq proġetti ambjentali.
It-tieni proġett li ġie inawgurat huwa dak fil-kumpless ta’ Hopsice Malta, f’Santa Venera. Is-Sindku Gianluca Falzon stqarr li dan il-ġnien se jservi ta’ spazju terapewtiku għall-pazjenti li jirċievu kura paljattiva.
It-tielet proġett hu dak tar-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Spencer fil-Marsa, li minn ġnien kien lok għall-abbużi u fi stat ta’ telqa kbira. Is-Sindku tal-Marsa Luke Farrugia qal li l-iskopijiet ta’ din il-meravilja huma ħafna, eżempju, żoni għal-pikniks għar-residenti Marsin u l-pubbliku ġenerali.