Il-Prim Ministru ta redikont tal-ħidma li twettqet matul din il-ġimgħa – fosthom bl-inawgurazzjoni ta’ Ġnien Spencer, li se jservi ta’ pulmun aħdar fil-Marsa, u kif ukoll il-ftehim storiku li ngħalaq mal-ħaddiema tas-servizz pubbliku.
“Ġnien bellezza. Ħdax-il tomna ta’ spazju aħdar, miftuħ għall-familji tagħna. Il-Marsa qiegħda f’qalbi u rrid nara riġenerazzjoni sħiħa hemmhekk. Nemmen fil-potenzjal uniku tagħha. Fil-ġimgħat li ġejjin se nkomplu naraw iżjed minn dawn il-proġetti ta’ spazji miftuħa – dalwaqt niftħu Wied Inċita, proġett ieħor ta’ spazju miftuħ li se nkomplu nżidu l-ispazji, għax li nwiegħdu nwettquh. Għas-sena d-dieħla għandna 19-il spazji ħodor u miftuħa ġodda. Baġit ta’ 70 miljun ewro.”
Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru, staqsa, min ta sittin elf ewro lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, sabiex ikun jista’ jħallas il-flus li kienu dovuti minnu, wara li kien evada t-taxxa.
Hawnhekk, Dr Abela semma l-qerq tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
“Stedinna l-Kap tal-Oppożizzjoni biex nieħdu kafe fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u morna. Kienet nassa. Wara li tlaqna minn dan il-kafe, ftit tal-ġimgħat ilu biss, tafu x’mar jagħmel Bernard Grech? Mar dritt jirrapurtani lill-Maġistrat li jmexxi l-inkjesti u qallu li waqt il-kafe ħareġ li jien kont implikat fil-mewt ta’ persuna. Ftit tal-jiem ilu jien ittellajt il-Qorti, biex nixhed u tellawni biex nixhed l-iskwadra tal-Pulizija tal-omiċidji, quddiem il-Maġistrat inkwerenti biex tifhmu kemm hu kattiv u cheap u lest biex jasal għal kollox biex jaħtaf il-poter. Lil Bernard Grech ngħidlu jmissek tistħi għal dak li għamilt.”
Huwa elenka wkoll kif għadd ta’ Deputati Nazzjonalisti, ilhom snin ma jmorrux għax xogħol u jużaw is-siġġu tal-oppożizzjoni, filwaqt li l-Kap jiddefendihom. Ewlenin fosthom, huwa semma lil Toni Bezzina.
Il-Prim Ministru, żied jirrimarka kif il-Partit Nazzjonalista, għandu wkoll jippubblika l-kontijiet finanzjarji tiegħu, u mhux jibqa’ jwaħħal fl-awditur.
Dr Abela, pubblikament ukoll qal lil Justyne Caruana, li l-pajjiż huwa bzonn tal-kontribut tagħha.
Il-Mexxej Laburista ta ħarsa wkoll lejn l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, fejn l-ekonomija Maltija kibret b’7%.
Dr Abela awgura wkoll lil Glenn Micallef, li uffiċjalment sar Kummissarju Ewropew, kif ukoll semma kif din il-ġimgħa pajjiżna se jilqa’ 57 pajjiż, għal konferenza importanti tal-OSCE.