Il-fiduċja fil-Gvern f’pajjiżna żdiedet u hi ferm iżjed mill-medja fl-Unjoni Ewropea. Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Ewrobarometru, li sar f’Ottubru li għadda fost aktar minn 26,000 persuna.
Kważi nofs iċ-ċittadini Maltin qalu li għandhom fiduċja fil-Gvern. Dan filwaqt li l-medja fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hi ta’ tlieta u tletin fil-mija.
Dan filwaqt li l-fiduċja fil-midja lokali hi ferm inqas meta mqabbla mal-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Sadanittant disgħa u tmenin fil-mija ta’ dawk intervistati minn pajjiżna qalu li huma sodisfatti mill-ħajja tagħhom, bi tlieta u tmenin fil-mija jsostnu li l-affarijiet f’ħajjithom sejrin fid-direzzjoni t-tajba. Dan filwaqt li erbgħa u tmenin fil-mija tal-familji f’pajjiżna sostnew li l-qagħda finanzjarja tagħhom hi waħda tajba.
Sitta u ħamsin fil-mija sostnew li s-sitwazzjoni f’pajjiżna hi tajba, waqt li l-medja fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ tnejn u erbgħin fil-mija.
Dan f’konferma ta’ livell qawwi ta’ ottimiżmu u fiduċja, anke qabel ġie ppreżentat il-Baġit għas-sena d-dieħla, b’żewġ terzi tal-familji Maltin u Għawdxin jemmnu li l-qagħda tal-pajjiż u dik finanzjarja tagħhom se jkomplu jitjiebu jew li se jibqgħu fl-istess livell għat-tnax-il xahar li ġejjin.