Skont il-Euronews, il-film ‘Gladiator II’, li nġibed f’pajjiżna bis-sehem ta’ atturi ta’ fama dinjija bħal Denzel Washington, qed iqanqal interess ulterjuri fit-turiżmu lejn Malta.
Is-sit internazzjonali tal-aħbarijiet irrapporta kif dilettanti tal-films diġà qed jaslu fostna biex ikunu huma wkoll fis-siti fejn inġibdu xeni minn dan il-film meqjus kolossali, li diġà qed jiddominaw is-swali ċinematografiċi.
Għadd ta’ siti storiċi, veduti mill-isbaħ u postijiet ta’ oħrajn ta’ interess f’pajjiżna li dehru f’din il-produzzjoni ta’ Hollywood huma r-raġuni ewlenija li bosta qed iġibu biex jesploraw aktar il-gżejjer tagħna, irrapporta l-Euronews.
B’mod prominenti jissemmew il-Fort Rikażli, mibni fis-Seklu Sbatax mill-Kavallieri ta’ San Ġwann, li serva sew għall-produzzjoni, l-Imdina u l-Port il-Kbir.
Minbarra hekk, is-sit tal-aħbarijiet ibassar li s-suċċess tas-sequel ta’ ‘Gladiator’ se jsaħħaħ sew l-industrija tal-films f’Malta, li diġà tinsab fl-aħjar livelli li qatt kienet, b’aktar produtturi li jitħajru jgawdu minn postijiet u xeneġġjaturi uniċi ideali.
Fil-fatt, pajjiżna għadu qed jagħmel l-akbar investimenti li qatt saru f’din l-industrija u l-kompetizzjoni internazzjonali ħarxa li teżisti biex jiġbed lejh produzzjonijiet tal-ogħla livell.
Fit-tħejjija għall-premiere ta’ ‘Gladiator II’, intervisti mad-direttur Ridley Scott u l-attur Denzel Washington, fost l-oħrajn, daru mad-dinja kollha. Fihom mhux biss ifaħħru s-sbuħija u l-ambjent Malti, iżda anke t-talent li għandhom il-ħaddiema Maltin.
Waqt li Washington, rebbieħ ta’ żewġ Oscars, qal li “Malta hu pajjiż ta’ karattru fejn tista’ tħoss l-istorja” u “perfett għall-filming”, Sir Scott, li hu fost l-aqwa diretturi fid-dinja llum il-ġurnata, jiddandan jgħid kif sar iħobb lil pajjiżna, inkluż għall-atmosfera li teżisti f’pajjiż li hu ħaj il-ħin kollu.