Id-deċizjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li jpoġġi l-Kummissjoni Maltija tal-Films taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, immexxi mill-Ministru Owen Bonnici, intlaqat b’mod pożittiv mill- Assoċjazzjoni Maltija tal-Industrija tad-Divertiment u l-Arti, l-MEIA.
Il-Kummissjoni Maltija tal-Films kienet taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tat-Turiżmu.
L-MEIA ddeskriviet din id-deċiżjoni bħala waħda li timmarka bidla sinifikanti fit-tmexxija tas-settur tal-films f’Malta, hekk kif jinħoloq approċċ unifikat.
L-MEIA qalet li qed tistenna bil-ħerqa li taħdem mill-qrib mal-Ministru Owen Bonnici, li se jerfa’ din ir-responsabbiltà ġdida. It-tmexxija tal-Ministru Bonnici, qalet l-MEIA, se tkun kruċjali biex jindirizza kwistjonijiet attwali fi ħdan il-Kummissjoni Maltija tal-Films u jimplimenta r-riformi meħtieġa.
Il-MEIA qalet li hi ħerqana li tidħol f’diskussjonijiet dwar l-iżvilupp ta’ Politika tal-Iscreen nazzjonali komprensiva. Din il-politika għandha timmira li tistabbilixxi linji gwida ċari li jippromwovu l-ġustizzja u l-ekwità bejn produzzjonijiet domestiċi u internazzjonali.
L-Assoċjazzoni qalet li tinsab ottimista dwar il-futur u ħerqana li tikkontribwixxi l-għarfien u l-kompetenza tagħna għall-iżvilupp kontinwu tagħha.
Il-Kummissjoni tal-Films hija mmexxija mill-Kummissarju Johann Grech u din l-industrija tħalli impatt pożittiv qawwi fuq l-ekonomija Maltija, filwaqt li qed toħloq aktar impjieġi ta’ kwalità.