Għat tieni sena, l-entità governattiva Heritage Malta qed torganizza Villaġġ tal-Milied f’Sant’Iermu fil-Belt Valletta bejn is-Sibt u l-Ħadd li ġejjin mid-9.00 ta’ filgħodu ’l quddiem.
L-ewwel edizzjoni ta’ din l-attività saret is-sena l-oħra fejn kienu attendew b’kollox madwar sebat elef persuna.
Dan il-villaġġ hu bbażat fuq it-tradizzjonijiet Maltin fil-perjodu tal-festi tal-Milied, inkluż permezz ta’ lectures dwar it-tradizzjonijiet lokali u anke kif kien jiġi ċċelebrat żmien il-Milied fi żminijiet ta’ gwerra.
ONE News żar il-post waqt li kienu qed isiru l-aħħar preparamenti għall-attività, fejn iltaqa’ ma’ Mario Camilleri, Principal Officer Events and Logistics ta’ Heritage Malta, li qalilna li dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Milied, bħal stands tal-ikel bil-qastan tal-imbuljuta, se jinstab f’dan il-villaġġ tradizzjonali.
Minbarra hekk, tenna kif hemm għan nobbli wara din l-attività.
“Din l-attività għanda għan nobbli, għan li qiegħda taħt il-patronċinju tal-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta u d-donazzjonijiet li niġbru mid-dħul se jmorru għall-Malta Community Chest Fund.”
Mario Camilleri – uffiċjal ta’ Heritage Malta
Għal dawk kollha li għandhom xi pet u jixtiequ li jakkumpanjahom f’din l-attività jistgħu jagħmlu dan ukoll.