“Jien ma nistax naċċetta li dawk li jbatu minn tilwima industrijali jkunu l-istudenti. Jiġifieri dawk il-persuni li jiġu l-iktar impattati mill-miżuri ta’ azzjoni industrijali, huma dawk li kompletament innoċenti f’din il-kwistjoni. Hawnhekk għandek dibattitu industrijali bejn il-Gvern, fuq naħa waħda u l-unjin, li tirrappreżenta lil-letturi, fuq in-naħa l-oħra dwar kemm għandhom ikunu ż-żidiet. Iż-żidiet li qed noffru huma b’saħħithom ħafna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal dan f’kummenti mal-midja, il-Ġimgħa filgħodu, dwar il-kwistjoni fl-MCAST, bl-istudenti wkoll qed jipprotestaw.
Dr Abela qal li d-diskussjonijiet jinsabu għaddejjin u jinsabu fi stadju matur. Għaldaqstant jemmen li jista’ jintlaħaq qbil bejn iż-żewġ partijiet.
Sadanittant, il-Prim Ministru Robert Abela wkoll irrefera għal rapporti ta’ ONE News, meta staqsejna lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech dwar il-ħlas tiegħu tat-taxxa li kien inqabad jevadi u spiċċa ħallasha f’daqqa f’ċirkostanzi li għadhom mhumiex ċari.
Hawn il-Prim Ministru rrefera għal dan bħala ipokrezija minn min qed jokkupa pożizzjoni Kostituzzjonali.
“Ridt inwieġeb dwar l-ipokrezija li qed juri l-Kap tal-Oppożizzjoni li meta jsemmi l-kelma frodi, ikollu subgħa qed jipponta lejk u erbgħa lejh. Għax sakemm ma jagħtiniex risposta ċara minn fejn iddobba €60,000 biex ħallas kont tat-taxxa li kien jevadih bi frodi tal-liġijiet fiskali ta’ pajjiżna tul medda ta’ snin u ħallsu biss meta nqabad, inqabad mill-awtoritajiet tat-taxxa ta’ pajjiżna u dam imbagħad wara li nqabad, snin jevadi milli jħallsu u jisfida u ħallas biss meta kkontesta l-kariga bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, sal-lum, snin wara għadu qiegħed jirrifjuta milli jagħti risposta ċara minn fejn ġab il-flus. Issa għandna kwistjoni ta’ unexplaned wealth, li l-Kap tal-Oppożizzjoni bħala bniedem li jokkupa kariga kostituzzjonali hu doveruż fuqu li jweġibha. Sakemm ma jkollniex risposta l-poplu se jibqa’ jistaqsi u bir-raġun.”
Il-Prim Ministru Robert Abela