Dalgħodu żewġt irġiel sofrew ġrieħi wara li kienu nvoluti f’żewġ inċidenti separati tat-traffiku.
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu fi Triq Fortunato Mizzi, ir-Rabat, Għawdex.
Mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Peugeot 107 misjuqa minn raġel ta’ 75 sena residenti Għajnsielem u mutur Honda misjuq minn raġel ta’ 22 sena residenti x-Xagħra. Ix-xufier tal-mutur ittieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
Sadanittant, għal xi d-disgħa u nofs ta’ filgħodu seħħet ħabta oħra fi Triq l-Imqabba, iż-Żurrieq. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel ta’ 36 sena li joqgħod iż-Żurrieq, kien qiegħed isuq quadbike, meta jidher li tilef il-kontroll tiegħu u waqa’ minn fuqu.
Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie wkoll iċċertifikat li weġġa’ gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.