33,000 ħaddiem fil-kategoriji kollha tas-Servizz Pubbliku se jgawdu titjieb fil-pagi u l-kundizzjonijiet tagħhom b’investiment ta’ €1.27 biljun fuq perjodu ta’ sitt snin.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja.
Dan il-ftehim se jkopri żidiet fil-pagi, żidiet f’allowances ġodda u l-introduzzjoni ta’ allowances oħrajn. Ftehim iffirmat bejn 10 unjins u se jidħol fis-seħħ mill-bidu tas-sena d-dieħla sal-aħħar tas-sena 2030.
Permezz ta’ dan il-ftehim ukoll, l-impjegati li mhumiex fuq il-massimu tal-iskala rispettiva tagħhom ikunu intitolat wkoll għall-increments.
Ġie spjegat ukoll li dan il-ftehim kollettiv jaħseb f’dawk il-ħaddiema li qegħdin fl-inqas skala tal-Gvern. Dan hekk kif minn €500 aktar fuq il-paga minima, issa se tkun €1,200 aktar minn fuq il-paga minima.
B’dawk fi skala 20, li hi l-aħħar skala se jitilgħu għal skala 19 wara sitt xhur ta’ impjieg u mbagħad sitt xhur wara għal skala 18.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern diġà ffirma ftehim settorjali differenti, fosthom man-nurses, qwiebel, il-Pulizija, il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u edukaturi, b’dan il-ftehim se jkun qed iżid miegħu.
Dr Abela qal li dan il-ftehim qed iseħħ hekk kif pajjiżna qed jesperjenza tkabbir ekonomiku b’saħħtu.
Il-Prim Ministru sostna kif is-Servizz Pubbliku huwa mutur biex nibqgħu noffru s-servizzi kollha li nagħtu bħala Gvern għan-nies u b’hekk se jkun pedina importanti fit-twettiq tal-Viżjoni Malta 2050 fejn irridu naraw qabża fil-kwalità f’tant oqsma kruċjali.
Dan filwaqt li l-Kap taċ-Ċivil Tony Sultana semma kif dan il-ftehim qed idaħħal kunċetti ġodda bħall-introduzzjoni tal-Long Service Bonus, kif ukoll żjidiet bla preċedent fis-salarji, allowances u rata ta’ ħlas ta’ overtime.
Żied isostni li dan il-ftehim qed iħares lil hinn mill-aspett finanzjarju b’enfasi prattika fuq il-bilanċ tal-impjegati bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, is-saħħa mentali u inizjattivi sostenibbli.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku temm jgħid li għall-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku dan huwa mument storiku biex inkomplu intejbu, inbiddlu u nimmodernizzaw lis-Servizz Pubbliku.
Għal aktar informazzjoni: