Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, f’dibattitu fil-Parlament dwar l-estimi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħabbar kif, mill-ġdid, pajjiżna se jkollu allokazzjoni li tiżboq kull investiment preċedenti biex jibqa’ jitjieb il-qafas soċjali ta’ pajjiżna.
Hu ħabbar kif in-nefqa rikurrenti se titla’ għal żewġ biljuni, tliet mija u erbgħa u għoxrin miljun ewro, li 73% minnhom se jkunu qed jiġu investiti f’pensjonijiet u benefiċċji soċjali.
Il-Ministru żied ukoll li aktar minn €42 miljun se jiġu injettati fis-servizzi soċjali mħaddmin mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, u l-entitajiet li jaqgħu taħtha, filwaqt li €14.8 miljun oħra se jmorru biex titkattar aktar ħidma bi sħab ma’ għaqdiet volontarji u għadqiet mhux governattivi.
Dawn l-investimenti kollha se jkomplu jwasslu biex, kif seħħ fl-aħħar snin, l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u faqar sever jonqos b’mod drastiku, speċjalment fost il-pensjonanti u dawk vulnerabbli.
Fil-fatt, minn 18,827 persuna li kien hawn dipendenti fuq għajnuniet fl-2013, dan in-numru issa naqas għal madwar 6,000 persuna. Dan minbarra miżuri oħrajn ewlenin, bħaż-żieda ta’ 82% fl-allokazzjoni għall-pensjonijiet mill-2013.
“Aħna mhux talli, għall-grazzja t’Alla, l-ekonomija ta’ dan il-pajjiż – il-ħidma tal-Maltin – mhux biss nagħtu l-COLA kollha, dejjem, mhux fl-aħħar, għax tkun waslet l-elezzjoni tal-2008, imma talli żidna l-pensjoni qua pensjoni. Li nista’ ngħid li dawk li fl-2013 kienu fuq il-pensjoni minima nazzjonali, jekk Alla jrid f’Jannar, u nawguralhom li jgawduha, għal ħafna u ħafna snin oħra, se jkunu qegħdin jaraw l-għaxar żieda tagħhom, għal kulħadd, bla distinzjoni, kull pensjonant, huma x’inhuma l-mezzi tagħhom, se jaraw żieda ta’ €8 fil-ġimgħa.”
Ministru Michael Falzon
L-In-Work Benefit, iċ-childcare mingħajr ħlas, iż-żieda fiċ-Childrens’ Allowance għal kull wild, għotja ta’ €10,000 għall-adozzjoni u allowances ta’ €500 għall-familji bi tfal li jkomplu jistudjaw se jkomplu jagħmlu dan il-qasam soċjali aktar b’saħħtu f’pajjiżna.
Il-Ministru Falzon temm jgħid li, minkejja r-riżultati pożittivi li kien hemm s’issa, il-ħidma xorta waħda se tkompli tissokta.
Waqt li rringrazzja lill-entitajiet kollha, li jagħmlu xogħol imprezzabbli fil-qasam soċjali, u għaqdiet li jikkollaboraw mal-Gvern f’dan ir-rigward, il-Ministru temm jisħaq li hemm lok għal aktar ħidma, flimkien.