Il-pulizija fl-Indja bħalissa qed jinvestigaw inċident li seħħ nhar il-Ħadd li għadda hekk kif tlett irġiel mietu meta l-karozza tagħhom waqet minn pont li ma kienx komplut bil-konsegwenza li spiċċaw fix-xmara.
L-inċident seħħ fl-istat tat-Tramuntana Uttar Pradesh u minn investigazzjonijiet inizjali tal-pulizija jidher li l-grupp kien qed juża struzzjonijiet ta’ Google Maps biex jieħdu din ir-rotta.
Aktar kmieni din is-sena, parti minn dan il-pont kienet irrappurtata li ġġarfet kawża tal-għargħar u n-nies tal-lokal kienu jevitaw din ir-rotta iżda t-tliet persuni fl-inċident dan ma kienux jafuh għax ma kienux familjari maż-żona. Jidher ukoll li ma kien hemm xejn li jindika li l-pont kien magħluq.
L-awtoritajiet qed jimplikaw erba’ inġiniera mid-dipatiment tat-toroq tal-istat u uffiċjal ta’ Google Maps bħala responsabbli tal-qtil li qajjem dibattitu sħiħ dwar jekk applikazzjonijiet ta’ navigazzjoni bħal Google Maps jistgħux jinżammu responsabbli għal inċidenti bħal dawn.
Filfatt hemm min qed iwaħħal fl-applikazzjoni li ma pprovdietx informazzjoni korretta filwaqt li oħrajn qed jgħidu li l-akbar responsabbiltà kienet tal-awtoritajiet tal-Gvern li naqas milli jagħlaq l-aċċess għall-pont.
Google Maps hija l-aktar applikazzjoni ta’ navigazzjoni popolari fl-Indja fejn huwa rrapurtat li għandha madwar 60 miljun persuna attiva fl-użu u tesperjenza madwar 50 miljun tfittxija kuljum.
Din mhux l-ewwel darba li fl-Indja l-użu ta’ din l-applikazzjoni kien skrutinizzat għax ġiet pprovduta informazzjoni ħażina li anke wasslet għal inċidenti fatali. Filfatt fl-2021, raġel minn Maharashtra għereq wara li baqa jsuq ġo ġibjun u s-sena l-oħra żewġ tobba żgħażagħ minn Kerala mietu hekk kif baqgħu jsuqu għal ġo xmara. F’dawn ir-rapporti huwa mifhum li s-sewwieqa kienu qed isegwu l-istruzzjonijiet ta’ Google Maps.