Fl-aħħar xhur, intensifikaw ix-xogħlijiet infrastrutturali mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fil-qalba kif ukoll madwar iż-żona tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, l-ikbar spazju miftuħ u aħdar fil-pajjiż.
L-ewwel fażi ta’ dawn ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu f’xogħlijiet fuq sistemi ġodda għall-ilma tax-xorb għall-pubbliku, sistema ġdida tad-drenaġġ, sistema għall-immaniġġjar tal-ilma tax-xita, infrastruttura ġdida għall-cables tat-telekomunikazzjoni kif ukoll installazzjoni ta’ cables ġodda għall-provvista tal-elettriku.
Sadanittant, bħalissa għaddejja t-tieni fażi fejn tliet kilometri ta’ toroq qed jingħataw wiċċ ġdid ta’ asfalt li mir-roundabout ta’ taħt l-Imtarfa jagħtu għal Ta’ Qali, minn Ħ’Attard għad-daħla f’Ta’ Qali, kif ukoll it-toroq kollha li jwasslu għal ġoċ-ċentru tal-park nazzjonali b’investiment ieħor ta’ €4 miljun.
Il-Kap tat-Taqsima tal-Park Nazzjonali, Jason Micallef, spjega kif, matul l-aħħar sena, il-proġett f’Ta’ Qali għadda minn riġenerazzjoni totali u minn żona mitluqa issa ħadet il-ħajja.
“Mhemmx dubju li servizzi ġodda fit-toroq u bini ta’ toroq ġodda jikkumplimentaw bil-kbir din l-akbar riġenerazzjoni ħadra f’Ta Qali u dan jagħmilna sodisfatti ħafna, għax il-kwalità tal-ħajja għal dawk li jżuru Ta’ Qali għal diversi affarijiet se tkun aktar tajba minn kif kienet fiż-żmien l-imgħoddija.”
Jason Micallef, Kap, Park Nazzjonali Ta’Qali
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia tenna li l-akbar pulmun aħdar fil-pajjiż, qiegħed jingħata l-prijorità li tixraqlu, mhux biss bil-ftuħ ta’ spazji ġodda u attivitajiet kontinwi fil-qalba tiegħu, iżda wkoll fix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-madwar li jwasslu lill-pubbliku f’din iż-żona.