F’artiklu fit-Times, id-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Alex Borg irriċikla proposta, li kienet saret ħmistax-il sena ilu lill-Gvern Nazzjonalista, dik li l-VAT fuq ir-restoranti tonqos.
Din l-istess proposta kienet studjata mill-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista, dik ta’ GonziPN, tant li, fil-Baġit għall-2010, kien ippubblikat studju relatat li sab li tali tnaqqis fil-VAT ma jsarraf fl-ebda jew ftit wisq benefiċċju għall-konsumaturi.
Ironikament Alex Borg semma din il-proposta proprju wara li, fl-aħħar jiem, iddikjara li f’pajjiżna hawn iżżejjed ristoranti, xi ħaġa li urtat bil-bosta lil dawk li joperaw fl-industrija u qed jinvestu flus kbar.
Għaldaqstant issa donnu qed jipprova jiġbor ġieħu mal-istess negozjanti lokali.
Ir-rapport ta’ 15-il sena ilu kien ikkonkluda li l-esperjenza ta’ pajjiżi fejn kien hemm tnaqqis fil-VAT għar-restoranti, il-konsumaturi ma ġewx effettwati pożittivament. Fil-fatt l-istudju semma l-eżempju tal-Portugall meta l-VAT naqset b’5%, iżda l-prezzijiet fir-restoranti bilkemm naqsu b’1%.
L-istess studju kien innota wkoll li “r-riperkussjonijiet fuq il-Gvern se jibqgħu għoljin ħafna” u, flok il-miżura tal-VAT, kien irrakkomanda li “investiment fis-settur turistiku jista’ jkun mezz effettiv biex jinkisbu l-miri ta’ Malta biex jiġu attirati aktar turisti ta’ kwalità ogħla”.
Fid-dawl ta’ dawn ir-riżultati, il-Ministru Tonio Borg dak iż-żmien kien sostna li “l-esperjenza minn pajjiżi oħrajn, fejn ittieħdet miżura bħal din, turi li tnaqqis bħal dan sostanzjalment ma jgħaddix għand il-konsumatur u l-impatt ekonomiku tagħha kien relattivament żgħir”.
Borg kien qal ukoll li “fuq kollox, l-istudju li għamilna juri li, jekk tittieħed din il-miżura, l-industrija turistika mhux se tibbenefika wisq”. Biex imbagħad ikkonkluda li “ghalhekk, fuq il-bażi ta’ din l-evidenza kollha, il-Gvern jemmen li m’għandux jieħu miżura li minnha kemm il-konsumatur kif ukoll l-ekonomija se jibbenefikaw ftit, u fl-istess waqt twassal għal taxxi ġodda biex jikkumpensa għat-telf fid-dħul”.
Iżda d-Deputat Alex Borg, anke jekk spiss jiddandan biż-żmien tal-aħħar Gvern Nazzjonalista, injora dan għal kollox.
Sorsi, li tkellmu ma’ ONE News, sostnew li dan l-attentat fjakk ta’ Borg li joħroġ bi proposta suppost friska, imma fil-fatt ġiet skartata ħmistax-il sena ilu, jikkonferma n-nuqqas ta’ stoffa ta’ dak li iżjed jiddandan fuq Facebook.
Dan anke jekk iċ-ċorma tal-eks Kap Adrian Delia qed tkompli timbotta lid-deputat Għawdxi biex isir Kap il-ġdid Nazzjonalista, tant li fl-aħħar jiem Borg irranka iżjed b’din il-kampanja u beda jikkontribwixxi b’mod frekwenti fil-gazzetti u l-portals.
Minkejja dan, l-istess sorsi sostnew li dan aktar qed iservi biex jesponi n-nuqqas ta’ sustanza tal-istess deputat.