Pumpier u voluntier sofrew xi ġrieħi meta fil-lejl li għadda kienu qed jikkombattu nirien qawwija f’numru ta’ mħażen u uffiċini f’Burmarrad.
Dawn in-nirien bdew għall-ħabta tat-tmienja tal-bieraħ filgħaxija. Fuq il-post marru mill-ewwel membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u numru kbir ta’ vetturi ta’ tifi tan-nar, fosthom dawk ta’ nirien industrijali.
ONE News hu informat li fl-imħażen kien hemm ippakkeġġjar, kartun u affarijiet tal-plastik, affarijiet li għamlu s-sitwazzjoni aktar delikata.
Dawn in-nirien ġew ikkontrollati dalgħodu, iżda ħaddiema tat-tifi tan-nar baqgħu hemmhekk matul il-ġurnata biex jiżġuraw li s-sitwazzjoni kienet taħt kontroll.
Dwar dan il-każ kiteb fuq il-midja soċjali, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ilbieraħ filgħaxija, fejn serraħ ras kulħadd li ma kienx hemm nies maqbuda.
Dan filwaqt li dalgħodu, il-Ministru Camilleri awgura feqjan ta’ malajr lill-ħaddiem tal-Protezzjoni Ċivili u voluntier li sofrew xi ġrieħi waqt din l-operazzjoni tant delikata.
Il-Ministru Camilleri sostna li għandu biss kliem ta’ tifħir u rringrazzjahom tal-ħidma biex iżommuna siguri.