Illum fl-Italja strajk ġenerali ta’ 8 sigħat. F’din il-protesta qed jieħdu sehem il-ħaddiema kemm tas-settur pubbliku kif ukoll dak privat fejn se jkunu affetwati l-iskejjel, id-dipartimenti tas-saħħa u t-trasport pubbliku. Dan l-istrajk kien imsejjeħ miż-żewġ unions kbar fil-pajjiż is-CGIL u l-UIL kontra s-sitwazzjoni ekonomika fl-Italja u n-nuqqas ta’ providementi fil-baġit. Il-ferroviji mhux se jkunu involuti fl-istrajk tal-lum hekk kif għamlu l-waqfa ta’ protesta tagħhom fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Jidher li t-trasport pubbliku lokali, tal-ajru u marittimu se jkun affetwat biss għal 4 sigħat. Hekk kif l-ajru se jkun wieqaf bejn l-10 ta’ filgħodu u l-4 ta wara nofsinhar diġà kienu kkanċellati 68 titjira bi tmintax minnhom internazzjonali.
Wieqfa f’ħinijiet matul il-ġurnata tal-lum se jkunu karozzi tal-linja, metro u tram, vapuri u laneċ u wisq probabbli t-taxis jieqfu l-ġurnata kollha. Id-dipartiment tat-tifi tan-nar se jieqaf ukoll 4 sigħat filwaqt li mhux se jinġabar skart u lanqas se jsir tindif pubbliku.
L-iskejjel se jkunu maqgħluqa inkluż id-dipartimenti tar-riċerka fl-università u l-uffiċini tas-servizzi pubbliċi u anke dawk ta’ amministrazzjoni huma magħluqa l-ġurnata kollha. Id-dipartimenti tas-saħħa se jkunu qed joffru biss servizzi minimament essenzjali.