L-artist rinomat Malti Raymond Pitre, magħruf għax-xogħol esperimentali tiegħu fil-pittura, it-tpinġija, l-iskultura u anke kitba miet fl-għomor ta’ 84 sena.
Pitre jibqa’ mfakkar għal diversi xogħlijiet li ġew esebiti internazzjonalment, mhux biss fl-Ewropa, iżda wkoll fil-Ġappun u fl-Istati Uniti tal-Amerka.
Hu kien intagħżel ukoll biex jirrappreżenta lil Malta fil-Biennale ta’ Venezja fl-1999 bix-xogħol tiegħu, li issa jinsab f’kollezzjonijiet nazzjonali u istituzzjonijiet oħrajn.
Fis-sena 2000 hu kien ukoll ġie rikonoxxut fuq livell nazzjonali meta ngħata l-unur tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu għall-kisbiet tiegħu fl-arti.
Fost il-ħafna li sellmu l-memorja tal-artist u bagħtu l-kondoljanzi lill-familja u l-ħbieb tiegħu kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, li qal li, anke jekk xogħlu dawru madwar id-dinja, Pitre dejjem baqa’ kburi li hu Malti.
Waqt li qal li Malta tibqa’ grata lejn il-kontribut artistiku tiegħu, Dr Abela ħabbar ukoll li x-xogħol artistiku tiegħu se jibqa’ ħaj billi jiġi esebit fil-mużew il-ġdid, li għadu kemm ġie inawgurat, il-MICAS.
Anke l-Ministru responsabbli mill-kultura Owen Bonnici kkummenta fuq il-midja soċjali fejn tenna li Pitre kien wieħed mill-aktar artistiċi ikoniċi li kellna f’pajjiżna, fejn l-artistrija tiegħu tokkupa post speċjali fl-istorja politika u kulturali ta’ artna.