Kmieni l-Ħamis filgħodu, r-Russja ikkordinaw attakk tal-missili u drones fuq skala kbira kontra l-Ukrajna bil-mira prinċipali tkun l-infrastruttura tal-enerġija fil-pajjiż bil-konsegwenza li aktar minn miljun persuna sabu rħhom mingħajr servizz tal-elettriku.
Splużjonijiet kienu rrappurtati f’diversi bliet, inkluż il-kapitali Kyiv, f’attakk li dam aktar minn disa’ sigħat u nofs. Id-difiża tal-ajru Ukrena qalet li 176 missila u drone minn 188 kienu interċettati.
Dan huwa t-tieni attakk dan ix-xahar fuq is-sistemi tal-enerġija hekk kif it-temperaturi bdew jitbaxxew.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky iddeskriva dan l-attakk bħala eskalazzjoni vili filwaqt li Vladimir Putin qal li l-attakk kien riżultat talli l-Ukrajna użat il-missili tat-tul Amerikani u Ingliżi kontra r-Russja għalkemm ir-Russi għal dawn l-aħħar tliet snin, kull xitwa, attakkaw deliberatament l-impjant tal-enerġija Ukrena.
Putin kompla billi hedded li jattakka ċ-ċentri strateġiċi tad-deċiżjonijiet bil-missila ballistika ġdida tar-Russja.