Fi stqarrija, il-Grupp HSBC Bank Malta ħabbar li ġie kkuntattjat mix-shareholder ewlieni tiegħu dwar interess li hemm minn diversi kumpaniji biex jixtru s-sehem tiegħu.
Dan l-iżvilupp jasal wara li, fl-aħħar ġimgħat, l-istess Grupp HSBC kien ħareġ li informa lill-bord tad-diretturi li se jibda analiżi strateġika tal-ishma indiretti ta’ 70.03% li għandu fil-bank.
Fil-bidu kien issemma li l-Bank tal-Knisja, l-APS, kien interessat li jixtri l-operat tal-HSBC, aħbar li kienet miċħuda ftit wara.
Issa l-Grupp HSBC qal li se jagħmel analiżi tal-kumpaniji interessati qabel jieħu xi deċiżjoni. F’dan ir-rigward, tħabbar ukoll li se jsejjaħ laqgħa ġenerali straordinarja biex jiddiskuti l-futur tal-kumpanija.
Ingħad li l-obbligi relatati mal-kunfidenzjalità tal-klijenti se tibqa’ tiġi rispettata f’kull ħin.