Wieħed minn kull tliet persuni infettati bl-HIV fl-Ewropa ma jafux dan, skont l-aħħar rapport konġunt bejn l-uffiċċju reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, l-ECDC, li ġie ppubblikat illum fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-AIDS, li jitfakkar fl-1 ta’ Diċembru.
Jirriżulta li, is-sena li għaddiet, kien hemm żieda żgħira fil-każi ġodda li nstabu, għal total ta’ 113,000 minn fost 47 pajjiż fir-reġjun Ewropew. Hawn 21 pajjiż irreġistraw żidiet meta mqabbel mal-2022, waqt li wħud ukoll l-akbar ċifri fl-aħħar għaxar snin.
Mindu feġġ il-virus tal-HIV fit-tmeninijiet, aktar minn 2.6 miljun persuna nstabu infettati, qalu l-organizzazzjonijiet internazzjonali u, anke jekk kien hemm progress sinifikanti minn dak iż-żmien, sal-lum għadhom jiġu rrapportati sensiela ta’ każi, bil-maġġoranza tal-każi jinstabu tard.
Għaldaqstant il-WHO u l-ECDC tennew li għad hemm ħtieġa kbira għall-prevenzjoni, ittestjar kmieni u aċċess għall-kura biex titnaqqas l-imxija, flimkien mal-urġenza biex titnaqqas l-istigma kontra persuni infettati.