Ġie inawgurat uffiċċju ġdid fil-Belt Valletta li se jara preżenza tal-European Investment Bank, l-EIB, bil-għan li jiffaċilita aktar il-proċess biex jinkisbu fondi għal pajjiżna, kif ukoll ikun ta’ spalla għan-negozji Maltin.
Dan il-bank, li hu proprjetà tal-istati membri kollha fl-Unjoni Ewropea, għandu l-għan primarju li jiffinanzja proġetti ekonomiċi u dawk ta’ sostenibilità li jaffettwaw lill-popli fil-pajjiżi rispettivi.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-President tal-EIB, Nadia Calviño, sostniet kif dan il-bank ilu jkun ta’ sostenn għal Malta għal 45 sena sħaħ, meta kien anke ġie ffinanzjat il-proġett tal-Port il-Kbir lura fl-1979.
Qalet li, għalhekk, dan l-uffiċċju ġdid qed ifakkar dan l-anniversarju importanti, fejn pajjiżna ġie mgħejjun b’madwar biljun ewro fi proġetti varji, bl-aktar riċenti jkunu dawk tal-interconnector u ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Semmiet ukoll kif l-uffiċċju ta’ pajjiżna se jkun qed imexxih Lawrence Walsh, fejn se jkun ta’ għajnuna lil dawk kollha li jkollhom bżonn l-għajnuna.
“From now on, we will have a local office, we will have a dedicated team here that is going to listen to the needs of our clients, that is going to understand the specifications of Malta, and try to support the progress, the progress of our projects here on the ground. We have been a key investment partner for Malta until now and we are sure that, with the local office, this is going to continue to improve the way forward.”
Nadia Calvino, President, EIB
Għal din l-okkażjoni tkellem ukoll il-Ministru tal-Finanzi Malti Clyde Caruana, li semma kif anke, wara d-diskussjonijiet li kellhom flimkien anke mall-Parlament u l-Prim Ministru, ġiet assigurata aktar ħidma bejn iż-żewġ partijet.
Stqarr kif, bl-għajnuna mogħtija, qed ikunu ffaċċjati l-isfidi tal-lum il-ġurnata li jirrikjedu kemm passi kif ukoll investiment b’saħħtu, biex wieħed finalment jilħaq l-għanijiet mixtieqa.