Nhar it-Tlieta fuq l-ixkafef tal-ħwienet tal-kotba feġġ il-ktieb ‘Freiheit’ fejn f’aktar minn 700 paġna l-eks Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel fost l-oħrajn telenka s-sittax-il sena tal-karriera tagħha bħala mexxej Ġermaniż b’aneddoti u għarfien fuq avvenimenti politiċi maġġuri u mexxejja dinjija.
‘Ħelsien: Memorji 1954-2021′ jagħti ħarsa lejn it-tfulija u ż-żogħżija ta’ Merkel fil-Ġermany tal-Lvant u r-riunifikazzjoni Ġermaniża kif ukoll il-ħajja politika tagħha sat-tmiem il-kariga ta’ Kanċillier Ġermaniż li okkupat sal-2021. Il-ktieb jinsab ukoll f’verżjoni awdjo u tradott f’bosta lingwi inkluż l-Ingliż u l-Franċiż.
Fil-ktieb, Merkel tesprimi wkoll opinjoniet dwar avvenimenti dinjija kontemporanji kif ukoll ċerti dispjaċiri ta’ deċiżjonijiet li ħadet matul il-karriera politika tagħha.
Dan il-ktieb ġie mniedi f’mument li l-Ġermany qed tiffaċja żmien turbulenti bi kriżi ekonomika u l-isfaxxar tal-koalizzjoni tal-gvern li waslet ukoll sabiex ġiet iddikjarata elezzjoni bikrija.
Il-kontenut ta’ dan il-ktieb qajjem furur mad-dinja kollha, bil-midja internazzjonali tikkwota siltiet minnu skont il-pajjiż hekk kif ħadd u xejn ma jidher li hu risparmjat mill-paġni tiegħu.