Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, flimkien mas-Senior Manager tal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali, l-ARPA, Malcolm Vassallo, ħabbar żewġ skemi ġodda li se jkunu qed jgħinu lir-raħħala lokali fit-trobbija tal-annimali.
Vassallo spjega ma’ ONE News l-iskop ta’ dawn l-iskemi u kif se jiġu implimentati.
“Dawn huma dawk imsejħin eko-skemi. Diġà hemm numru ta’ skemi oħrajn fil-pjan li huma simili tagħhom. Bħala wieħed mill-prijoritajiet tal-pjan strateġiku tal-PAC hu li ntejbu l-benesseri tal-annimali kemm jista’ jkun, iddeċidejna li niżviluppaw dawn iż-żewġ skemi ġodda li se jagħtu pagament dirett għal kull annimal eliġibbli lil dawk li volontarjament jidħlu għalihom biex itejbu l-benesseri tagħhom. Kif semmejt qabel ukoll, dan jinvolvi li jżidu l-ispazju fejn jinżammu dawn l-annimali b’20% aktar mill-minimu obbligatorju li hemm stabbilit għas-setturi rispettivi.”
Malcolm Vassallo, Senior Manager, ARPA
Il-Ministru Refalo elenka kif il-Gvern ħareġ miljun kbar fi skemi u miżuri permezz tal-ARPA biex ikun ta’ spalla għall-bdiewa u r-raħħala Maltin.
Hu fakkar li meta l-bdiewa minn madwar l-Ewropa kollha, inkluż f’pajjiżna, ħarġu jipprotestaw dwar l-azzjonijiet ta’ Brussell, il-Gvern xorta sema’ t-talbiet tagħhom u ra kif jistabbilixxa pjan nazzjonali ħalli mhux kull bidwi u raħħal jaqa’ taħt l-istess kappa.
Żied ukoll li, minkejja l-isfidi li Malta qed tesperjenza, inklużi l-kriżi globali tat-tibdil fil-klima u l-problema tan-nuqqas ta’ ilma, ġie propost biex, fiż-żmien li ġej, pajjiżna jniedi għal pjan nazzjonali ta’ ilma ħalli l-ħxejjex u l-frott tagħna jibqa’ tal-ogħla kwalità.
Il-Ministru tenna li l-bdiewa u r-raħħala Maltin għandhom is-sostenn ta’ dan il-Gvern.
“Din is-sena konna spalla ma’ spalla erġajna mal-bdiewa u r-raħħala tagħna. Tajnihom is-sostenn importanti, ħriġna mhux inqas minn €48 miljun fi skemi u miżuri għal dan is-settur biex b’hekk nagħmluh aktar sostenibbli u aktar reżiljenti. Hekk beħsiebna nkomplu nagħmlu fl-interess favur l-ikel tagħna.”
Ministru Anton Refalo