Wara l-perjodu ferm intensiv aktar kmieni dan ix-xahar bit-tazza tad-dinja li saret f’pajjiżna, il-Malta Blackball Federation kompliet bl-istaġun intensiv tagħha hekk kif bħalissa qed isir it-tieni turnew ta’ kwalifikazzjoni għat-tazza tan-nazzjonijiet 2025.
Fil-kategorija tal-irġiel illejla se jkun hemm is-semifinali fejn Clint Azzopardi jilgħab kontra Clayton Castaldi filwaqt li Alessio Magro jaffaċċja lil Leon Azzopardi. Il-finali hi skedata għal għada fis-7.30pm.
Għada tintlagħab ukoll il-finali tal-kategorija seniors fejn Duncan Edward jilgħab kontra Lee Grima. Sabiex waslu għal dan l-istadju, Edwards elimina lil Joseph Tabone 9-8 filwaqt li Grima elimina lil Cajetan Fauzza 9-4.
Fil-Masters 50+, Antoine Aquilina se jkun qed jistenna l-avversarju tiegħu fil-finali hekk kif illejla tintlagħab is-semifinali bejn Brian Grech u Jesmond Schembri. Aquilina wasal sal-finali wara li għeleb lil Jason Mangion 8-5.
Fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena, il-finalisti t’għada huma Casdy Vella u Matthias Debono. Vella għeleb lil Chaylon Castaldi 8-5 filwaqt li fis-semifinali l-oħra, Matthias Debono kiseb rebħa ta’ 8-2 kontra Neil Caruana.
Finalment fit-turnew ta’ taħt il-15-il sena, Jake Castaldi u Denzel Falzon se jilagħbu l-finali t’għada.
Castaldi għeleb l-oppożizzjoni ta’ Dielyn Edwards 8-5, b’Denzel Falzon li jegħleb lil Shazen Ciantar bl-istess skor.