Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kien skomdu għall-aħħar u ma weġibx meta mistoqsi minn ONE News minn fejn ġab il-flus biex eventwalment ħallas it-taxxa li kienet dovuta minnu f’daqqa, wara li evadiha għal snin sħaħ.
Grech mhux biss ħarab, iżda wkoll qal li l-ġurnalista tagħna wriet nuqqas t’edukazzjoni, għax bdiet tistaqsi, minkejja li ma bediex iwieġeb il-mistoqsijiet li kienu qed isirulu.
ĠURNALISTA: “Qed nistaqsik mistoqsija sempliċi ħafna. Minn fejn ġibthom il-flus?”
BERNARD GRECH: “Jekk se tibqa’ titkellem waqt li qed nitkellem jien, hi nuqqas ta’ edukazzjoni u rispett.”
Grech naqas milli jispjega minn fejn ġab dawn il-flus biex ħallas wara li kellu sittin elf ewro f’taxxa u VAT mhux imħallsin.
Fil-fatt, Grech kien ilu snin jevadi t-taxxa u ħallasha biss biex jgħatti xturu meta kien se jikkontesta għall-kariga ta’ Kap Nazzjonalista, lura fl-2020.
Il-Kap Nazzjonalista kien naqas milli jissottometti d-dokumenti tal-VAT għal tliet snin sħaħ.
Hu kien ukoll iddikjara dħul ferm inqas minn dak li qala’.