Permezz tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, Malta ospitat il-kompetizzjoni ‘San Pellegrino Youth Chef Academy 2024’, inizjattiva globali li għandha l-għan li tippremja l-aħjar kokijiet żgħażagħ.
Il-ġurija internazzjonali, li inkludiet lill-kok Malti Victor Borg, il-Grieg Thanos Freskos, ir-Rumen Alexandru Jacub u s-Sloveni Igor Jagodic u Iwona Niemczewska, kellha biċċa xogħol iebsa biex tasal għar-riżultat finali, li tħabbar f’okkażjoni speċjali fil-bini tal-istess ITS.
Fil-fatt il-kompetizzjoni laħqet il-qofol tagħha nhar it-Tlieta meta l-15-il kompetitur, flimkien ma’ rappreżentanti mill-kumpanija Charles Grech Ltd, li hi d-distributriċi lokali ta’ San Pellegrino u Aqua Panna, ġew mistiedna għal ikla mħejjija mill-kok Michelin Grigoris Kikis u l-Maltija u ġurata f’MasterChef Malta, Letizia Vella.
Ir-rebbieħ globali kien is-Sloven Pablo Falcón, li kiseb il-‘Young Chef Award for South Europe’, waqt li l-kok Rumen Ali Vadean rebaħ is- ‘San Pellegrino Social Responsibility Award’ u s-Serb Nikola Šorak ingħata l-premju tal-‘Fine Dining Lovers Food for Thought Award’. Il-kok Malti Andrea Amore kiseb l-unur ta’ ‘The Acqua Panna Connection in Gastronomy Award’.