Fit-tielet kwart ta’ din is-sena, l-attività ekonomika f’pajjiżna kienet 5% akbar minn dik irreġistrata sena ilu. Dan meta t-tkabbir fl-Unjoni Ewropea kien biss ta’ 1%, li jfisser li l-ekonomija Maltija kibret b’ħames darbiet aktar.
Dan jirriżulta minn stimi proviżorji tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li ġew ippubblikati l-Erbgħa, fejn jirriżulta wkoll li, fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, l-ekonomija Maltija kibret b’7%.
Dan meta istituzzjonijiet internazzjonali, bħall-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, u l-Kummissjoni Ewropea kellhom tbassir ta’ 5% biss, waqt li l-Bank Ċentrali kulma kien qed ibassar kien tkabbir ta’ 4%.
B’hekk l-ekonomija ta’ pajjiżna qed tikber bi kważi d-doppju ta’ dak imbassar mill-esperti preċedentement.
Fl-ewwel disgħa xhur tas-sena wkoll, kien hemm investiment f’pajjiżna li jlaħħaq it-€3.1 biljun, żieda ta’ 7% fuq l-istess perjodu sena qabel.
Sadanittant l-ixprun tat-tkabbir ekonomiku fit-tielet kwart tas-sena kompla jkun il-konsum privat. Fil-fatt ftit inqas minn nofs it-tkabbir ekonomiku kien dovut għal konsum akbar mill-familji. Dan kien jirrifletti l-fatt li ġie rreġistrat l-ogħla ammont ta’ dħul għall-ħaddiema li qatt ġie osservat fl-istorja.
Dan meta d-dħul tal-ħaddiema laħaq iċ-ċifra rekord ta’ €2.3 biljun, li hu kważi €225 miljun akbar mill-ammont ta’ dħul osservat fl-2023. Żieda ta’ 11%.
Minbarra t-titjib fil-konsum kien hemm ukoll bilanċ aħjar tal-pagamenti ta’ pajjiżna, hekk kif kien hemm żieda fl-esportazzjoni ta’ aktar minn €230 miljun.
Minkejja s-sitwazzjoni ta’ sfidi internazzjonali, il-kompetittività aħjar f’Malta minħabba li protetti mill-prezzijiet għolja tal-enerġija, il-kumpaniji lokali qed jesportaw ħafna. Fl-istess ħin it-turiżmu reġa’ laħaq livelli rekord, waqt li setturi diġitali komplew jespandu b’rata qawwija.
Kważi kwart tat-tkabbir, li seħħ, kien ġej mis-servizzi professjonali u amministrattivi, is-servizzi finanzjarji u s-settur tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, indikazzjoni wkoll ta’ kemm qed jiżdiedu is-setturi diġitali tal-ekonomija u kemm it-tkabbir ġej minn setturi li joffru mpjiegi ta’ kwalità.
Bil-maqlub ta’ dak li kien jiġri qabel l-2013, 10% tat-tkabbir din is-sena hu ġġenerat mill-manifattura.
Kien hemm ukoll kontribut qawwi ħafna mis-settur tal-lukandi u r-restoranti, frott l-irkupru kbir fit-turiżmu, u fis-settur tal-ħwienet, fejn id-domanda domestika baqgħet qawwija mhux bħalma ġara f’pajjiżi madwar fejn il-familji ntlaqtu ħażin ħafna minn politika ta’ awsterità.