Fi tmiem il-ġimgħa, il-Federazzjoni Maltija Lotta organizzat tournament internazzjonali, bil-parteċipazzjoni ta’ timijiet barranin bħall-Iskozja, Republika Irlandiża u r-Renju Unit. Ħabat ukoll li l-Fedrazzjoni Maltija tagħlaq 55 sena mit-twaqqif tagħha. Dan ma kienx ikun possibbli li mhux għall-għajnuna ta Bridgepoint Malta, SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti. Ħadu sehem iktar minn 40 lottatur b’kollox u l-avveniment sar ġewwa l-kumpless ta’Sportmalta ġewwa l-Marsa.
It-tim Malti kien mgħamul minn taħlita ta’lottaturi t’esperjenza kif ukoll lottaturi ġodda li din swietilhom bħala l-ewwel esperjenza kontra lottaturi barranin. Hemm il-ħsieb li dan it-turnew jibqa jsir kull sena għall-ġid tal-lottaturi kollha Maltin.
L-aħjar riżultati inkisbu minn Gary Giordmaina u Nico Zarb li rnexxilhom jiksbu medalji f’żewġ kategoriji differenti. Gary rebaħ id-deheb kemm fil-kategorija 61kg kif ukoll dik tal-65kg. B’kollox rebaħ ħames kumbattimenti u ma sofra l-ebda telfa. Minn naħa tieghu Nico rebaħ id-deheb fil-kategorija 79kg u Bronze fis-86kg. Lottaturi oħrajn Maltin li taw prestazzjoni tajba kienu, Gabriel Caruana, Mark Bugeja, Nathaniel Buttigieg D’Ugo, Jean Carlo Benetti, Matthew Aquilina, Dejan Briffa, Luke Bugeja, Eren Erkayasi u Cedric Vella.
Malta spiċċat rebħet erbgħa kategoriji minn disgħa biex b’hekk spiċċat fl-ewwel post tal-klassifika ġenerali tat-timijiet segwita mill-Irlanda fit-tieni post u l-Iskozja fit-tielet post.
It-tim kien immexxi mill-coach Nazzjonali Jesmond Giordmaina.