Tlesta ġnien, li jkopri medda ta’ 2,700 metru kwadru, fil-faċilità ta’ Hospice Malta wara investiment ta’ €1.2 miljun minn Project Green permezz tal-Community Greening Grant.
Il-ħolqien ta’ dan l-ġnien mill-isbaħ f’Santa Venera sar b’kollaborazzjoni bejn l-entità tal-Gvern u Hospice Malta u se jservi bħala spazju ta’ rilassament biex jitgawda mir-residenti tal-istess organizzazzjoni mhux governattiva u l-membri tal-familja tagħhom.
Waqt li żaret il-post, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Joseph Cuschieri, u ċ-Chairperson u l-Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta, Bernardette Bonnici Kind u Kenneth Delia rispettivament, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli tenniet li l-għan aħħari se jkun li dan joffri mumenti ta’ serenità lill-pazjenti li qed jiffaċċjaw sfidi ta’ mard serju, waqt li jgħin biex jinħolqu memorji ġodda flimkien mal-maħbubin tagħhom.
Residenti tal-kumpless f’Santa Venera esprimew is-sodisfazzjon li dan l-ispazju qed joffrilhom elementi naturali fl-istess post fejn qed jgħixu.
Il-ġnien tfassal b’tali mod li jindirizza l-ħtiġijiet tar-residenti u l-familji tagħhom, fejn il-kunċett tad-disinn hu mibni fuq l-aċċessibilità, bis-sodod tar-residenti li jistgħu wkoll jinħarġu fil-ġnien.
Is-siġar, il-fjuri u l-arbuxelli ntagħżlu skont il-benefiċċji terapewtiċi li joffru, filwaqt li l-karatteristiċi tal-ilma jgħinu biex jinħoloq ambjent aktar seren.
F’kummenti mal-midja, il-Ministru Dalli qalet li dan hu eżempju ċar ta’ kif nistgħu noħolqu spazji li jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li għandhom bżonn serħan u kura, b’mod speċjali fl-aktar mumenti diffiċli f’ħajjithom.
Il-Perit Katrina Grech Mallia qalet kif kien hemm l-bżonn li jinħoloq spazju li jissimbolizza l-paċi u l-inklussività, waqt li jindirizza kemm il-bżonnijiet funzjonali ta’ ġnien għall-Hospice kif ukoll il-benefiċċji terapewtiċi tan-natura.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson Bernadette Bonnici Kind raddet ħajr lil Project Green għall-ħidma tagħha mhux biss favur l-ambjent, iżda anke favur dawk li jbatu minn xi mard.
“Għan-nom tal-pazjenti ta’ Hospice u l-familji tagħhom, nixtieq nirringrazzja lil Project Green talli għenuna biex nispiċċaw dan il-ġnien tant sabiħ li se jkun post ta’ serenità, kalma u kwiet għall-pazjenti meta jkunu għaddejjin minn żminijiet tant diffiċli.”
Bernardette Bonnici Kind