Il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista vvutaw favur il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, li se terġa’ titmexxa minn Ursula von der Leyen.
Dan hekk kif il-Parlament Ewropew dalgħodu bħala parti mill-aġenda tal-plenarja fi Strasburgu vvota biex japprova l-Kummissjoni l-ġdida ta’ 27 membru, fosthom il-Malti Glenn Micallef.
Id-Deputat Mexxej u l-Kap tad-Delegazzjoni Maltija fil-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba, f’diskors fil-Parlament Ewropew, qal li fil-kuntest ġeopolitiku Ewropew, jeħtieġ Kummissjoni li timbotta aġenda progressiva Ewropea.
“Id-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew ivvutat b’konvinzjoni favur il-Kummissjoni Ewropeja l-ġdida. Nemmnu illi mill-aktar fis possibbli għandna bżonn Kummissjoni Ewropeja li tiffunzjona. Ivvutajna favur il-Kulleġġ tal-Kummissarji għaliex nemmnu wkoll fil-potenzjal u l-bidla pożittiva illi Glenn Micallef jista’ jġib fi ħdan din l-istituzzjoni bħala vuċi għaż-żgħażagħ Ewropej.”
Glenn Micallef huwa l-iżgħar Kummissarju Ewropew li qatt kien inkarigat mill-portafoll taż-żgħażagħ u l-ewwel Kummissarju għall-ġustizzja interġenerazzjonali li se jitkellem għan-nom tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Se jkun ukoll qed ikollu rwol importanti biex jipproteġi l-interessi tat-tfal, kif ukoll il-kultura, l-isport, is-saħħa mentali u s-cyberbulling.
Il-Partit Laburista jifraħ lill-Kummissarju Ewropew Glenn Micallef u jawgura kull suċċess f’dan ir-rwol li se jkun qed jidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru li ġej għall-5 snin li ġejjin.