Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes ħabbar kif għaddejja il-ħidma biex issir il-bidla li se tnaqqas il-burokraziji u tiffaċilita l-proċessi fl-Awtorità tad-Djar.
Il-ħidma, li se tagħmel lill-awtorità aktar effiċjenti, s’issa rat aktar minn 15,000 dokument jiġu skenjati fl-aħħar xhur biex awtomatikament jiffaċilita u jħaffef il-proċessi kollha.
Semma kif ir-responsabbiltà tal-awtorità kiber tant li minn sitt skemi li kienu jiġu offruti fil-passat, issa hemm 18, li huwa wkoll rekord assolut. Dan kollu jirrikjedi li ssir ħidma biex ikun anke simplifikat il-proċess, bl-ewwel skema li l-Awtorità tad-Djar ħadmet fuqha biex tkun diġitalizzata kollha hi l-iskema tal-kera. F’din l-iskema biss, hemm mal-2,900 familja li qed igawdu minnha bħalissa.
Ix-xogħol jinfirex ukoll biex in-notifiki kollha saru diġitalizzati biex jitnaqqas it-tul ta’ żmien li tirrikjedi bil-karta.
“M’għadux żmien tal-files u tal-karti. Qed nipprovaw innaqqsu kemm nifilħu, minkejja r-riċerki li jridu jsiru fuq il-proprjetà, il-bżonn li nibqgħu fuq paperbased, imma immorru aktar fuq sistema diġitali, u allura qed ngħinu mhux biss lill-klijenti biex nagħtuhom servizz aħjar, innaqqsu l-burokrazija, imma fuq kollox naraw li nkunu aktar effiċjenti fl-operat tal-Awtorità. Dak hu l-pass li jmiss li se nagħmlu fix-xhur li ġejjin.”
Ministru Roderick Galdes
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, qal kif issa qed ikun trasformat il-mod kif isir dan ix-xoghol. Semma li qed jaħdmu fuq tliet pilastri b’digital first approach, awtomitizzar tal-processi kollha, kif ukoll ċentralizzazjoni tad-dejta tal-awtorità biex ikun hemm aktar xogħol organizzat.
Semma kif qed jiġu introdotti dashboards biex l-informazzjoni tkun aktar aċċessibbli u iċċentralizzata għal waħda komuni, fejn anke kollox hu dirett u aġġornat kuljum.
Bħala awtoritaà qqed jaqsmu wkoll din l-informazzjoni ma’ dipartimenti oħrajn, li jkollhom bżonn din l-informazzjoni, fosthom fejn jidħol inforzar.
Minbarra hekk, hemm ukoll diversi għodod interattivi oħrajn mnedija, bħar-Rent Calculator. Dan kollu qed isir biex togħla l-kwalità tax-xogħol tal-awtorità.
“Sal-lum diġà skenjajna u ddiġitilizzajna 15,000 file, files li anke jmorru lura għexieren ta’ snin. X’inhuma l-vantaġġi? Il-vantaġġi ta’ dawn is-servizzi li qed noffru qegħdin jaslu għand il-klijenti tagħna fil-ħin u meta għandhom verament bżonnhom, prinċipju ta’ ġustizzja soċjali li nemmnu fih.”
Matthew Zerafa, CEO, Awtorita tad-Djar