Il-Parlament Ewropew approva l-Kulleġġ tal-Kummissarji Ewropej għall-ħames snin li ġejjin. Dan ifisser li l-Parlament approva s-27 persuna minn kull stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Dan f’vot waqt seduta plenarja l-Erbgħa, fil-Parlament Ewropew fi Strassburgu. F’din is-seduta, 370 ivvotaw favur, 282 ivvotaw kontra u 36 astjenew.
Fost dawn il-membri l-ġodda tal-Kummissjoni Ewropea, li se jibdew it-terminu tagħhom mill-ewwel ta’ Diċembru li ġej, hemm in-nominat Malti, Glenn Micallef.
In-nominat Malti se jkollu r-rwol ta’ Kummissarju Ewropew responsabbli miż-żgħażagħ, il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet, l-isport u l-kultura.
Micallef ta’ 35 sena huwa l-iżgħar membru ta’ dan il-Kulleġġ tal-Kummissarji, li huwa wkoll it-tieni terminu ta’ Ursula von der Leyen bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.
Sadanittant, f’kitba fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela awgura lil Glenn Micallef li issa ġie elett fil-kariga ta’ Kummissarju Ewropew. Dr Abela saħaq li l-Gvern Malti jħares ’il quddiem sabiex ikompli jikkolabora mal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida mmexxija minn Ursula von der Leyen, bil-għan li taħdem favur l-interessi taċ-ċittadini.
Flimkien ma’ Micallef, hemm ukoll Kaja Kallas, li ġiet magħżula mill-mexxejja Ewropej, f’Ġunju li għadda, biex tkun ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
Mill-ewwel ta’ Diċembru wkoll jibda t-terminu ta’ Antonio Costa bħala President tal-Kunsill Ewropew. Costa, il-ġimgħa l-oħra, kien f’pajjiżna fejn, fost oħrajn, kellu laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela.