L-Isqof t’Għawdex Anton Teuma fl-aħħar jiem inawgura s-sede l-ġdida tal-Caritas f’Għawdex, fi Dar Trionfi, Triq Sant’Ursola, fil-Belt Victoria, li se tibda tgħin lil dawk kollha li jfittxu s-servizzi offruti.
Sa mill-1952, Dar Trionfi tmexxiet u serviet għal diversi għanijiet ta’ karità, inkluż li għal 20 sena kienet klinika mmexxija mis-Sorijiet Dumnikani, waqt li għal bosta snin wara serviet bħala dar għall-anzjani. Sas-sena l-oħra, il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) kienet tilqa’ persuni bla saqaf fuq rashom u oħrajn vulnerabbli biex jiġu integrati fis-soċjetà.
Issa, fis-sajf li għadda d-Djoċesi ta’ Għawdex ħadet ħsieb li jsiru tiswijiet estensivi u manutenzjoni tal-post biex mill-aħħar jiem, din ir-residenza bdiet taqdi persuni b’diversi ħtiġijiet. Il-ħidma tal-Caritas ġiet trasferita għal dan il-post mill-Kurja u minn appartament fil-Fontana.
Kif spjega id-Direttur tad-Djakonija u tal-Caritas f’Għawdex, Monsinjur Jimmy Xerri, id-dar qed toffri servizzi varji, ilkoll b’xejn, bħal social worker, voluntieri li jilqgħu għajnuna mingħand in-nies bħal ħwejjeġ, oġġetti tal-ikel u tal-iġjene, fost l-oħrajn.
Dar Trionfi tilqa’ lin-nies kull nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa mid-9.30 a.m. sal-11.30 a.m.
Darba fix-xahar, is-Sibt, jingħata wkoll servizz ta’ klinika legali, li jgħin lil migranti li jkollhom bżonn għajnuna legali dwar permessi biex jakkwistaw dokumenti meħtieġa għal residenza f’pajjiżna.
Sadanittant xogħol ta’ manutenzjoni mistenni jkompli fis-sular ta’ fuq ukoll u l-pass li jmiss hu li tibda topera laundry.
Il-Caritas f’Għawdex tmexxi soup kitchen permezz ta’ grupp ta’ voluntieri li jqassmu 40 ikla sħuna tliet darbiet fil-ġimgħa mill-Kunvent tal-Franġiskani Konventwali fil-Belt Victoria, waqt li l-ikel kollu jingħata minn Dar Arka u minn Villa San Lawrenz.
Fuq kollox, il-Caritas f’Għawdex taħdem id f’id mal-entitajiet kollha tal-ħidma soċjali biex jiġu mgħejjuna persuni li jeħtieġu assistenza materjali, finanzjarja jew umana.