Tim ta’ ħames baħħara żgħażagħ se jkunu qed jirrapreżenta lil Malta fil-kampjonat tal-ibburdjar dinji tal-klassi Optimist li se jsir bejn il-5 u l-15 ta’ Diċembru 2024, f’Mar De Plata fl-Arġentina. Taħt il-gwida esperta tal-kowċ f’din il-klassi Optimist, Ivan Vasilev, it-tim ilu jipprepara b’mod rigoruż biex jirrapreżenta lil pajjiżna f’din il-kompetizzjoni dinjija.
It-tim Malti magħmul minn Isaac Azzopardi, Liam Andrew Cutajar, Aleksandra Nagrudnaia li huma baħħara minn Birżebbuġa Sailing Club, kif ukoll Sebastian Miceli Demajo u Timothy De Cesare mill-Malta Young Sailors Club, ilhom jitħarrġu għal dawn l-aħħar xhur bi preparazzjoni għal din il-kompetizzjoni. Minbarra l-prattika fuq il-baħar, dawn iż-żgħażagħ ingħaqdu wkoll flimkien għall-sezzjonijiet ta’ team building biex itejbu d-dinamika tagħhom u l-ħiliet bħala tim.
It-tim Malti se jibda l-vjaġġ tiegħu lejn l-Arġentina nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru 2024. Mal-wasla tagħhom, jibdew b’sezzjonijet ta’ taħriġ biex iħejju ruħhom fuq il-post għal din l-isfida eċitanti. Il-parteċipazzjoni ta’ dawn il-baħħara żgħażagħ tenfasiżża l-preżenza ta’ pajjiżna f’kompetizzjonijet internazzjonali tat-tbaħħir kif ukoll isservi t’ispirazzjoni għall-baħħara żgħar oħra fi gżiritna.
‘Nawguraw lil dawn l-atleti żgħażagħ u lil Malta l-aqwa suċċessi f’din il-kompetizzjoni dinjija hekk kif se jkollhom din l-opportunità li jgħixu din l-esperjenza inkredibbli. Kburin bihom li se jkunu qed jirrapreżentaw lil Malta!” qalu kelliema mill-Malta Sailing Federation.