Matul dibattitu fil-Parlament fuq l-estimi finanzjarji tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, il-Ministru responsabbli Byron Camilleri sostna kif, fost l-oħrajn, qed titħaddem l-istrateġija li qed tara l-prevenzjoni aktar minn kull ħaġa oħra b’Korp tal-Pulizija viċin il-komunità, fejn anke qed issarraf għal inqas każi ta’ kriminalità fil-pajjiż, minkejja ż-żieda fil-popolazzjoni.
Fost il-kisbiet li saru, hu semma li, għoxrin sena ilu u b’popolazzjoni ferm inqas kien hawn ħamsa u erbgħin każ ta’ kriminalità għal kull elf persuna, iżda, is-sena l-oħra, kien hemm tletin każ ta’ kriminalità għal kull elf persuna.
Qal kif dan kollu qed isir b’ekonomija akbar, b’attività ma taqta’ xejn, b’pajjiż mimli avvenimenti kbar kif ukoll bi splużjoni fl-għadd tat-turisti.
“B’wiċċi minn quddiem niġi f’dan il-Parlament u nirrimarka b’mod pożittiv kif anke l-wegħdi li għamilna lin-nies li qed jarawna, permezz tal-manifest ‘Malta Flimkien’, li vvotaw u tawna fiduċja fuqu, il-maġġoranza tagħhom diġà wettaqnihom u qed inkomplu naħdmu biex inwettquh kollu.”
Il-Ministru Byron Camilleri
Semma kif il-ħidma li saret hi bażi aktar soda fuqiex issir il-ħidma, fejn għalhekk se jkunu qed jiġu introdotti l-panic alarms u l-electronic monitoring, kif imwegħdin fil-baġit li għadda.
Dwar dan ħabbar li dawn se jkunu diskussi mill-ġimgħa d-dieħla, fejn anke l-istess alarms waslu f’pajjiżna u ftit ġimgħat oħra biss se jkun introdott is-servizz formalment.
Il-Ministru Camilleri semma kif irid ikollna pajjiż aktar sigur, fejn anke s-suq tax-xogħol ikun b’saħħtu u ġust fejn il-ħidma ta’ eluf ta’ ħaddiema jitgawdew f’wieħed mill-iktar oqsma kruċjali għal dan il-pajjiż.
Qal li hu għalhekk li dawn iż-żewġ għanijiet mill-iktar importanti għall-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin joffru s-serħan il-moħħ fl-ibliet u l-irħula tagħna, bil-għan li jinkisbu aktar riżultati b’aktar ħidma biex mas-suċċessi diġà miksubin, fejn anke hemm meħtieġa r-riformi, dawn jitwettqu.
Rigward l-alokazzjoni finanzjarja, issemma kif il-Ministeru digà wettaq il-maġġoranza tal-wegħdi l-kbar tal-manifest elettorali, u minbarra hekk, ġie allokat l-akbar ammont ta’ fondi li qatt kien hemm għall-forzi tal-ordni.
Dan l-investiment rikurrenti jlaħħaq madwar €228 miljun, flimkien ma’ investiment kapitali ta’ €25 miljun. Semma kif inutli titkellem dwar Malta sigura jekk ma tallokax ir-riżorsi, fejn dawn se jkunu qed iseħħu aktar proġetti, kif ukoll kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema.
Camilleri semma wkoll ir-riforma fis-suq tax-xogħol u l-ħaddiema minn pajjiżi terzi, fejn din mhux waħda iżolata u tingħaqad mar-regolamenti tat-temping agencies, ma’ tal-Y Plates, kif ukoll ma’ bidliet li saru fil-kirjiet.
Qal kif minħabba li qed ikunu mifhuma l-prijoritajiet tan-nies, issa jmiss li wieħed jara l-kwalità u, għalhekk, huma importanti li, biex il-pajjiż ikompli jimxi ’l quddiem, iridu jitwettqu l-bidliet neċessarji.