Jirriżulta li aktar minn 4,000 sottomissjoni favur l-għanijiet imsemmija fil-proċess ta’ konsultazzjoni għar-reviżjoni tal-Pjan Lokali taż-żona ta’ Villa Rosa ddaħħlu għand l-Awtorità tal-Ippjanar, skont stqarrija mill-iżviluppaturi tal-proġett qrib il-Bajja ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan.
L-istqarrija ssegwi dik preċedenti mill-Moviment Graffitti li, min-naħa l-oħra, qal li kienu ddaħħlu iżjed minn 2,500 kontra dak li sejjaħ bħala proċess taparsi ta’ konsultazzjoni.
Minkejja dan, l-iżviluppaturi akkużaw lil tal-Graffitti li attakkaw il-proċess b’allegazzjonijiet foloz, meta kellhom l-opportunità li jappoġġjaw il-ħolqien ta’ spazju pubbliku miftuħ, il-protezzjoni tal-ambjent u żoni storiċi, kif ukoll limitazzjonijiet fuq l-għoli u l-volum tal-bini.
Minkejja dan, ingħad li tal-Graffitti qed jagħtu l-impressjoni li l-proġett se jeqred is-sit storiku ta’ Villa Rosa, filwaqt li jsir xi tip ta’ bini fil-wied u jħalli impatt negattiv fuq l-għar li jinsab fil-viċin. Dan kollu huwa falz, qalu l-iżviluppaturi, anke għax l-għanijiet jagħtu prijorità li kull parti ambjentali u storika tas-sit tiġi protetta.
L-iżviluppaturi wkoll insistew li hu wkoll falz li jingħad li l-proċess hu intiż biex japprova l-applikazzjoni proposta fl-2022, meta fil-verità l-pjanti u l-viżwali se jiġu riveduti skont ir-riżultati tar-reviżjoni tal-Pjan Lokali.
Huma qalu li, fortunatament, il-pubbliku għaraf il-kampanja qarrieqa tal-Graffitti u, b’mod qawwi, appoġġja l-għanijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar f’din l-ewwel fażi tal-proċess ta’ konsultazzjoni.
L-iżviluppaturi qed jimpenjaw li jibnu proġett turistiku ta’ kwalità għolja fis-sit, fejn qed jiġu attirati wkoll ditti ta’ fama internazzjonali u anke l-opportunità ta’ mpjiegi ta’ livell għoli.