Mario Xuereb inħatar il-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Malta Business Bureau (MBB), l-organizzazzjoni konsultattiva tal-Unjoni Ewropea għan-negozji li tirrappreżenta lill-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta kif ukoll lill-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Restoranti ta’ Malta.
B’reazzjoni għall-ħatra tiegħu, Xuereb, magħruf ukoll bħala ġurnalist, fisser l-entużjażmu tiegħu li jmexxi tim ta’ professjonisti u eżekuttivi ta’ talent fir-rappreżentazzjoni tal-komunità tan-negozju f’Malta.
Sostna li, matul il-karriera twila tiegħu fil-ġurnaliżmu u fix-xandir, kellu ċ-ċans jirrapporta dwar diversi direttivi u liġijiet Ewropej u l-impatti tagħhom fuq in-negozji Maltin u se jieħu din l-opportunità li jikkontribwixxi direttament biex iċ-ċirkostanzi uniċi ta’ Malta jiġu rikonoxxuti b’mod akbar fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni Ewropea.
L-MBB ukoll irringrazzja lill-Kap Eżekuttiv uxxenti Joe Tanti, li se jkun qed jirtira mill-pożizzjoni wara 15-il sena ta’ servizz eċċellenti.