Ġiet inawgurata t-tieni fażi tat-tisbiħ tal-ispazji ħodor fis-sit tat-Tempji Neolitiċi ta’ Ħal Tarxien, fejn biċċa art, li kienet mitluqa fl-istess kumpless ta’ madwar 100 sena, issa ġiet mibdula fi ġnien b’900 arbuxell ta’ pjanti indiġeni Maltin.
Fattur interessanti hu li l-pjanti magħżulin huma wkoll dawk li kienu jinstabu f’pajjiżna fiż-Żmien Neolitiku, waqt li l-għeruq tagħhom ma jagħmlux ħsara lill-fdalijiet storiċi.
Il-proġett sar bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Alfred Mizzi, biċ-Ċermen tagħha, Julian Sammut, preżenti għall-inawgurazzjoni jgħid kif il-ħidma li tagħmel Heritage Malta hi ’l bogħod mill-ġenn kummerċjali u ffokata biss fuq il-wirt lokali u kulturali.
Fis-sit tat-Tempji Megalitiċi ta’ Ħal Tarxien, iċ-Chief Operations Officer ta’ Heritage Malta, Kenneth Gambin, spjega li dan kollu qed isir biex ikun anke ppriservat il-wirt neolitiku ta’ pajjiżna, parti mill-missjoni tal-istess entità.
Gambin kompla li fil-proġett, li inkluda l-ittranġar tal-ħitan tal-madwar biex jikkumplimentaw dan kollu, l-għażla tal-pjanti u s-siġar kienet partikolari minħabba li jirrikjedu l-inqas ammont ta’ ilma possibbli ladaraba mdorrijin fil-klima tagħna.
“Għażilna wkoll pjanti u arbuxelli li nafu li kien hawn f’Malta fi żmien in-Neolitiku, ħalli hekk il-viżitatuti kollha li jiġu hawnhekk mhux jaraw biss il-wirt kulturali, jiġifieri l-kumpless innifsu, imma nkunu nistgħu nispjegaw ukoll l-ambjent naturali ta’ Żmien in-Neolitiku u, b’hekk, noffru esperjenza ħafna aħjar.”
Kenneth Gambin, COO, Heritage Malta
Id-Deputat Ċermen, Anthony Scicluna, qal kif qed jagħtu l-importanza li tixraqilha lill-aspett naturali, fejn minbarra dan il-proġett, hemm oħrajn li saru, fosthom dak fil-Wied t’Għar Dalam u mixtla ta’ pjanti endemiċi, fejn anke fil-proġetti qed jitkabbar in-naħal u qed iħallu anke l-ħaxix salvaġġ jikber u ma jinqatax biex jgħin fl-ekosistema wkoll.
Tenna li, b’dawn il-proġetti, qed jaraw li jkunu postijiet edukattivi fejn it-tfal ikunu jistgħu jitgħallmu man-natura.