Għat-tielet sena konsekuttiva, 15-il artist lokali, fosthom uħud mill-aqwa ismijiet fix-xena artistika Maltija, qed jippreżentaw 27 xogħol artistiku uniku bit-tema‘Il-Park u n-Nies’, fir-Rudy Buhler Art Gallery, fi Triq is-Salini, Marsaskala.
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, Dr Steve Borg, chairperson tal-Bord tal-Governanza tal-Park tal-Inwadar u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Joseph Cuschieri, żaru din il-wirja li tinsab miftuħa sal-Ħadd, 1 ta’ Diċembru 2024.
“Il-wirja Arti fil-Park hija xhieda ta’ kif l-arti tista’ tgħaqqadna man-natura u tgħinna napprezzaw is-sbuħija tal-ambjent tagħna. Il-Park Nazzjonali tal-Inwadar huwa eżempju ċar ta’ kif żoni għal żmien mitluqa jistgħu jiġu trasformati fi spazji ta’ rikreazzjoni u ispirazzjoni għall-komunità kollha.”
Ministru Miriam Dalli
Il-lista tal-artisti li qed jieħdu sehem tinkludi ismijiet prestiġjużi bħal Agius Alison, Ancilleri Frank, Bonnici Kurt, Borg Marika, Calleja Sarah, Camilleri Silvana, Fenech Josette, Fenech Portelli Joanne, Frendo Jean, Mercieca Audrey, Pavia Lawrence, Perini Ethelbert, Smith Andrew, Vella Anthony u Vella Tanya. Kull artist wassal interpretazzjoni artistika unika tas-sbuħija u l-istorja tal-Inwadar.
Il-wirja miftuħa kuljum bejn l-10:00 a.m. u s-1:00 p.m. u bejn il-5:00 p.m. u t-8:00 p.m. Id-dħul huwa b’xejn biex kulħadd igawdi l-arti u l-ispirazzjoni minn din il-wirja unika. Ix-xogħlijiet kollha huma għall-bejgħ, b’parti mid-dħul minn dan il-bejgħ tmur għal għaqda filantropika – inizjattiva li tgħin lura lill-komunità.