L-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati ħabbret li, bħalissa, qegħda tiffaċċja tilwima industrijali li tikkonċerna ir-rappreżentazzjoni tad-drittijiet ta’ żewġ trade unions tal-ħaddiema tagħha.
Il-General Workers’ Union talbet ir-rikonoxximent ta’ parti mill-impjegati tal-Aġenzija, madankollu, id-Dipartiment għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali informa lill-unjin li t-talba ma tistax tintlaqa’, peress li għadda ż-żmien ta’ skadenza għal tali talba.
B’risposta għal din is-sitwazzjoni, il-GWU bdiet serje t’azzjonijiet industrijali, li jinkludu li l-membri tagħha ma jibdlux impjegati oħrajn fuq leave, inkluż dak tal-mard.
Minbarra hekk, l-Assistenti Reġistraturi huma pprojbiti milli jibgħatu sostituti, ma jibdlux lid-Deputati Reġistraturi, li jkunu fuq leave, u li l-membri tal-istess unjin ma jirrekordjawx is-seduti.
Min-naħa l-oħra, l-Unjin Ħaddiema Magħqudin – Voice of the Workers ukoll ħarġet struzzjonijiet simili lill-ħaddiema li tirrappreżenta hi.
L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati qalet li tibqa’ soda fl-impenn tagħha biex tirrispetta d-drittijiet tal-ħaddiema, waqt li appellat biex il-partijiet kollha involuti jirrikonoxxu r-rwol essenzjali, li għandha l-Qorti fis-soċjetà Maltija, mingħajr preġudizzju lejn id-drittijiet tal-partijiet kollha.
Minbarra hekk, l-Aġenzija skużat ruħha mal-pubbliku inġenerali għal kull inkonvenjenza li setgħet inħolqot bis-sitwazzjoni.
Sadanittant, dalgħodu żar il-Qorti, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard.
F’kitba fuq il-midja, il-Ministru Attard qal li din it-tilwima mhix relatat mal-kundizzjonijiet tal-impjiegi, iżda hija biss dwar ir-rikonoxximent tal-unjins.
Il-Ministru Attard ħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti biex jikoperaw u jqisu l-impatt tal-azzjonijiet tagħhom – mhux fuq l-amministrazzjoni jew fuq il-Gvern, iżda fuq iċ-ċittadini, li jiddependu fuq il-Qorti biex jaċċessaw il-ġustizzja.