L-istilla tar-rock Rod Stewart ġie kkonfermat li se jipparteċipa waqt Glastonbury is-sena d-dieħla, 23 sena mill-aħħar dehra tiegħu f’dan il-festival tal-mużika.
Rod Stewart, meqjus bħala wieħed mill-aktar artisti li qatt biegħ diski f’kull żmien, se jkun qed isegwi l-passi ta’ Dolly Parton, Barry Gibb, Shania Twain u Kylie Minogue li kollha esebixxew waqt l-islot li ssir il-Ħadd wara nofsinhar.
Din l-aħbar ħarġet hekk kif l-artist leġġendarju kien esprima l-intenzjoni tiegħu li ma jieħux sehem aktar f’tours dinjija mill-aħħar tas-sena d-dieħla.
Stewart, li għandu 79 sena, qal li jħossu kburi u lest li jallegra u jferraħ lil kulħadd fi Glastonbury f’Ġunju li ġej.
Is-slot ta’ ħin it-tè l-Ħadd wara nofsinhar, tattira waħda mill-akbar folol tal-festival u Sir Rod se jkun l-ewwel persuna bħala artist prinċipali fl-avveniment li ingħata t-titlu ta’ leġġenda.
Stewart kien ħa sehem fil-festival fl-2002 flimkien ma’ Coldplay u Stereophonics.
Rod Stewart huwa l-ewwel artist ikkonfermat għall-Festival ta’ Glastonbury li se jsir f’Worthy Farm Somerset mill-25 sad-29 ta’ Ġunju fejn qed jingħad li artisti oħra se jinkludu lil Sam Fender, Olivia Rodrigo, Stevie Wonder, Eminem u Charli XCX.
Jidher li l-biljetti li jiswew £373.50 huma diġa mibjugħa kollha.