Ġnien l-Indipendenza f’Birżebbuġa issa hu aktar aċċessibbli u sigur, grazzi għal xogħol ta’ riġenerazzjoni mill-aġenzija Project Green, taħt il-Ministeru għall-Ambjent. Wara konsultazzjoni wkoll mal-kunsill, dan il-ġnien issa nfetaħ bħala spazju komunitarju.
Waqt żjara fuq il-post, flimkien mar-rappreżentanti tal-istess kunsill u t-tmexxija ta’ Project Green, il-Ministru responsabbli Miriam Dalli qalet li dan il-proġett ikopri medda ta’ 1,700 metru kwadru, u rriġenera żona li kienet ilha snin mitluqa u bi problemi strutturali.
“Fil-fatt dan l-ispazju ta’ 1,700 metru kwadru għandu sinifikat u użu differenti ħafna minn ħafna ġonna oħra. Li fi Ġnien l-Indipendenza storikament kien dejjem dak il-post li fih isiru attivitajiet mil-lokalità u jilqa’ n-nies ta’ Birżebbuġa fih. Allura ridna li dak is-sens inħalluh hemmhekk. Ovvjament żidna ħafna iżjed l-aspetti ambjentali, ħafna aktar siġar, ħafna aktar arbuxelli, u rajna li nużaw materjal li hu iżjed sostenibbli u nħaddmu wkoll reservoir li hawn taħt il-ġnien.”
Ministru Miriam Dalli
Fost ix-xogħlijiet li saru, il-proġett inkluda ħitan ġodda, tħawwil ta’ tmin siġriet ġodda, livellar tal-art, tagħmir ġdid u canopies biex jiżdied il-kenn, passaġġi aktar aċċessibbli permezz ta’ rampi fid-dħul tal-ġnien.
F’isem Project Green, il-Perit u ċ-Chief Operations Officer, Beverley Costa, fil-kummenti tagħha, sostniet l-importanza ta’ dan il-proġett, għax jilqa’ fih lil kulħadd b’mod partikolari familji biex iqattgħu l-ħin ta’ mistrieħ tagħhom.
“Ġnien l-Indipendenza li sar 25 sena ilu, kellu bżonn riġenerazzjoni, għax l-art kienet qed tinżel u ma baqax aċċessibbli għan-nies. Issa llum hawnhekk qed naraw kif introduċejna aċċessi differenti biex ikun jista’ jilħaq lil kulħadd, kif ukoll introduċejna speċi differenti beix intejbu l-biodiversità ta’ dan l-ispazju.”
Beverley Costa, COO, Project Green
Filwaqt li faħħar dawn ix-xogħlijiet li saru fi Ġnien l-Indipendenza, għax issa r-residenti se jkollhom post ieħor ta’ rikreazzjoni u rilassament, is-Sindku ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri kompla jgħid li dan mhux l-uniku proġett li l-kunsill qed jaħdem ma’ Project Green.