Il-kantant u kompożitur prolifiku Elton John qal li mhuwiex f’kundizzjoni li jlesti l-album il-ġdid tiegħu għaliex għandu problemi fil-vista ta’ għajnejh wara li kien ħa infezzjoni f’Lulju li għadda.
Huwa qal li għal dawn l-aħħar erba’ xhur ma kienx qed jara minn għajnu l-leminija filwaqt li kien batut minn dik tax-xellug.
Dan għalhekk qed jagħmilha diffiċli għalih li jmur l-istudju jirrekordja għaliex ma jistax jara l-lirika. Huwa qal li la jista jaqra u lanqas jara xejn u bħalissa qed jieħu trattament li jispera li jaħdem.
F’Novembru li għadda, Sir Elton John, waqt ċerimonja tar-Rock ‘n’ Roll Hall of Fame, kien qal li għadu kif spiċċa album ġdid mal-liriċista Bernie Taupin u kien entużjast ħafna dwaru. L-aħħar studio album b’materjal ġdid ta’ Elton John kien ħareġ fl-2016.
L-impediment fil-vista però mhux qed iżommu milli jidher fil-pubbliku filfatt attenda l-premieres tad-dokumentarju l-ġdid tiegħu ‘Never Too Late’ f’Toronto u Londra u x-xahar l-ieħor ingħaqad ma’ Dua Lipa waqt il-kunċert tagħha fir-Royal Albert Hall biex kantaw id-dwett ‘Cold Heart’.
Aktar kmieni dan ix-xahar attenda wkoll il-ftuħ tal-musical tiegħu Tammy Faye fi Broadway filwaqt li nhar il-Ġimgħa deher waqt ir-Royal Variety Performance f’Londra sabiex introduċa diska minn xow ġdid ieħor, ‘The Devil Wears Prada’.