National Lottery plc u l-Għaqda Ġurnalisti Sports, bi pjaċir iħabbru li Fabio Spiteri rebaħ il-ħames unur tal-IZIBET Elite Athlete Award li jkopri x-xhur ta’ Settembru u Ottubru 2024.
Nhar il-Ħamis 12 ta’ Settembru, Fabio Spiteri sar l-ewwel ultra-triatleta Malti li lesta t-tiġrija DECA f’Garda, fl-Italja. Id-DECA Ultra Triathlon tkopri distanza totali ta’ 2,260 kilometru li hija ekwivalenti għal 10 darbiet tiġrija tal-Ironman. L-atleti huma involuti f’għawma ta’ 38 kilometru, ġirja bir-rota ta’ 1,800 kilometru u ġirja ta’ 422 km, li din tal-aħħar hija ekwivalenti għal 10 tiġrijiet maratona.
Wara li s-sena l-oħra fil-Brażil, Spiteri kellu jirtira minħabba diversi nfafet f’saqajh u uġigħ fil-muskoli, huwa lesta l-isfida tad-DECA ta’ din is-sena fi tnax-il ġurnata u qasam il-linja finali b’ħin totali ta’ 264 siegħa, 51 minuta, u 58 sekonda. B’hekk huwa ġie fis-sitt post minn ħdax-il parteċipant. Spiteri ddedika dan is-suċċess għall-memorja tal-mibki ħabib kbir tiegħu u triatleta Jake Vella u kif ukoll b’risq il-Project 100 li bih qed jimmira illi jiġbor €100,000 għax-xelters għall-annimali f’Malta.
Franco de Gabriele, Chief Commercial Officer ta’ IZI Group kellu kliem ta’ tifħir dwar il-prestazzjoni straordinarja ta’ Fabio Spiteri fejn qal, “Il-fatt li Fabio Spiteri rnexxielu jtemm id-DECA Ultra Triathlon huwa tragward straordinarju. Bħala IZIBET ninagħqdu ma’ Spiteri sabiex niċċellebraw ir-reżiljena, id-dedikazzjoni u l-prestazzjoni atletika li jispikkaw fih. Fuq kollox, nammirraw il-perseveranza tiegħu, li ma ħarisx lura lejn dak li ġralu sena ilu, anzi ta qalbu u saħħtu kollha sabiex wasal fejn wasal. Ma nistgħux ma nsemmux id-dedikazzjoni li għandu Fabio sabiex jiġbor il-fondi għax-xelters tal-annimali, li taw valur miżjud għal dan ir-rikonoxximent għas-suċċess tiegħu.”
Min-naħa tiegħu, Clinton Buhagiar, il-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports qal, “Il-perseveranza u d-determinazzjoni ta’ Fabio Spiteri huma kwalitajiet li wieħed għandu jammirra u fl-istess ħin japprezza. Grazzi għas-sagrifiċji u l-volum kbir ta’ taħriġ, kien possibli sabiex Spiteri jagħmel dak li għamel! Fabio huwa xempju ta’ professjonalità u dedikazzjoni.”
Il-għan tal-IZIBET Elite Athlete Award huwa li jirrikonoxxi s-suċċessi miksuba mill-atleti lokali kull xahrejn.
Il-bord tal-għażla huwa magħmul minn ġurnalisti u osservaturi sportivi li se jkunu qed jevalwaw bir-reqqa il-kisbiet tal-atleti matul ix-xhur u jassiguraw li jkun hemm il-korretezza matul il-proċess kollu tal-għażla.
Ir-regolamenti tal-IZIBET Elite Athlete Award jistgħu jinkisbu minn fuq il-website tal-Għaqda Ġurnalisti Sports https://www.maltasportsjournalists.com/izibet-elite-athlete-award/
Photo caption: (From left) Stephen Azzopardi (Administrator of the Malta Sports Journalists Association), Clinton Buhagiar (President of the Malta Sports Journalists Association), Fabio Spiteri and Lorraine Cunningham (General Secretary of the Malta Sports Journalists Association).