F’konferenza, li fakkret it-tletin sena ta’ ħidma lokali mal-vittmi tal-vjolenza dometiska, saret enfasi qawwija fuq il-fatt li l-pajjiż, bħall-numru ta’ pajjiżi oħrajn, irid jaħdem iżjed biex jgħin ukoll lil dawk li jaslu jwettqu l-istess vjolenza, mingħajr ma tiċċekken l-għajnuna lejn l-vittmi tagħhom.
B’rabta ma’ dan, intervjeniet mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, fost bosta kelliema, fejn qalet li, ħafna drabi, dawk li jwettqu l-abbuż ikunu qed jagħmlu dan b’konsegwenza għall-ġrajjiet li seħħew fil-passat tagħhom.
“Apparti l-fatt li importanti ħafna li nagħtu l-għajnuna lill-vitmi tal-vjolenza domestika, daqstant hu importanti wkoll li ngħinu u nindirizzaw lill-perpetrators, għax il-perpetrators, minflok iħobbu l-partern tagħhom, ikunu qed iwettqu vjolenza fuqhom. Minn x’imkien tkun ġejja din il-problema. Ħafna drabi naraw li dawn ikollhom esperjenzi koroh fi tfulithom u r-rabja tagħhom, imbagħad, jagħmluha fuq il-vittmi tagħhom li, minflok lil dik il-persuna jħobbuha, jumiljawha, jikkommettu vjolenza fuqha.”
Dr Lydia Abela, Mart il-Prim Ministru
Matul il-konferenza fin-nofstanhar tat-Tnejn filgħodu, tkellmu wkoll diversi kelliema oħrajn, inklużi ħaddiema u persuni li esperjenzaw il-vjolenza domestika matul is-snin li ddiskutew dak li għaddew minnu f’dawn is-snin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, semma kif illum il-ġurnata qed jintefqu mal-€5 miljun fis-sena fuq is-servizzi offruti, b’madwar €3 miljun minnhom użati mill-FSWS biss.
B’rabta mal-ħidma tal-Gvern f’dan il-qasam, deskritt bħala importanti ħafna, is-Segretraju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, spjegat fi ftit kliem il-ħidma fl-aħħar snin.
“Il-Gvern ta prijorità sħiħa lill-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u dan għamilnieh bil-fatti, b’numru ta’ riżorsi li allokajna, bil-Korp tal-Pulizija, mis-servizzi fil-Qrati, mis-servizzi soċjali, iżda anke bil-liġijiet li daħħalna. Kien dan il-Gvern li rratifika l-Konvenzjoni ta’ Istanbul, iżda, aktar minn hekk, daħħalna ukoll atti dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza domestika, fost l-oħrajn.”
Rebecca Buttigieg, Segretarju Parlamentari
Id-Direttriċi tal-aġenzija Appoġġ, Graziella Castillo, qalet li dan is-servizz beda b’ħames social workers u llum hemm mas-sebgħin professjonist ngaġġati biex joffru anke l-ammont ta’ servizzi li żdiedu, b’liġiiet apposta li ġew attwati biex jipproteġu lill-vittmi.
Fost is-servizzi offruti, semmiet l-Emergency Shelter li jara li dawk li jitilqu mid-dar, isibulhom post għand l-Appoġġ u għaqdiet oħrajn f’aktar sapport lill-vittmi.
Hi temmet b’messaġġ qawwi għal dawk li, preżentament, qed ibatu minn xi tip ta’ vjolenza, irrelevanti jekk hix fiżika, mentali, emozzjonali jew finanzjarja, fost l-oħrajn.
“L-appell tiegħi hu li dawk il-vittmi li qegħdin barra u jixtiequ l-għajnuna, is-servizzi huma miftuħin għalihom u jistgħu jagħmlu anke kuntatt permezz tal-179 u, imbagħad, aħna nagħmlu l-kuntatt magħhom ħalli ngħinuhom mill-aħjar li nistgħu.”
Graziella Castillo, Direttriċi, Appoġġ