Wara l-approvazzjoni mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) b’mod unanimu sabiex l-art fiż-żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa tkun tista’ tiġi żviluppata, il-Partit Laburista ma jistax ma jinnutax l-ipokrezija u d-daħk fil-wiċċ mill-Partit Nazzjonalista dwar din il-kwistjoni.
L-esponenti tal-PN fil-Mellieħa jafu li dik l-art fl-1985 kienet żona ta’ żvilupp kummerċjali; fl-2006 meta nbidel il-Pjan Lokali, l-użu ta’ din l-art inbidel għal wieħed residenzjali, iżda minn dakinhar il-PN meta kien fil-Gvern qatt ma biddel l-iskop ta’ din l-art għal wieħed rikrejattiv.
Kif ħadd mill-esponenti tal-PN fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa qatt ma ndenja ruħu jipproponi jew iressaq xi mozzjoni biex din l-art jinbidel l-iskop tal-użu tagħha?
Tal-PN tkellmu l-ewwel darba fi 2023 meta l-art in kwistjoni ħarġet għall-bejgħ. Anke hawnhekk tal-PN daħku bin-nies meta ma qalx il verità dwar kemm inbiegħet l-art!
Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista fil-Mellieħa ħadem u stinka biex ftit metri bogħod minn din iż-żona jsir spazju miftuħ ieħor li se jibda x-xogħol fuqu s-sena d-dieħla. Ma rridux ninsew li kien Kunsill Lokali Laburista li fl-istess żona ftit metri ‘l bogħod għamel żewġ ġonna pubbliċi għat-tgawdija tar-residenti Melliħin.