Barbara Taylor Bradford, il-ġurnalista Ingliża li permezz tas-saga ikonika “Woman of Substance” saret kittieba ta’ fama mondjali, mietet fl-età ta’ 91 sena lbieraħ fid-dar tagħha fi New York City.
L-ewwel ktieb li ppublikat fl-1979 kien “A Woman of Substance” fejn minn hemm ħarġet medja ta’ ktieb fis-sena u saret waħda mill-aktar kittieba popolari u sinjuri fid-dinja bil-valur nett tagħha jkun stmat mal-mitejn miljun dollaru u saħansitra tant kienet famuża li fl-1999 ħarġet bolla bir-ritratt tagħha.
Il-kotba tagħha kienu ppublikati f’40 lingwa differenti u biegħu aktar minn 90 miljun kopja madwar id-dinja. Fl-2007, ir-Reġina Eliżabetta II kienet ukoll onorata b’OBE.
B’titli bħal “Breaking The Rules” u “Act of Will” hija kienet tispeċjalizza fi stejjer ta’ nisa jiġġieldu għall-imħabba u l-poter f’dinja ddominata mill-irġiel. L-aktar ktieb favorit tagħha fost dawk li kitbet kien “The Women In His Life” ispirat mill-ħarba ta’ żewġha minn Nażi.
Għal 56 sena, hija kienet miżżewġa lill-producer tal-films Ġermaniż Robert Bradford sakemm miet fl-2019.
“A Woman of Substance” hija kronaka ta’ diversi ġenerazzjonijiet mill-ħajja ta’ Emma Harte, li sar sensazzjoni globali fejn inbiegħu aktar minn 30 miljun kopja u kien l-ispirazzjoni ta’ mini serje televiżiva tal-1984. Hija kienet tgħid li l-karattru ta’ Emma kien ibbażat fuqha.