Bejn Lulju u Settembru li għaddew, l-għadd taʼ persuni li qattgħu xi ljieli fi stabbilimenti ta’ akkommodazzjoni kollettiva qabeż is-720,000, fejn spiċċaw iqattgħu mat-tliet miljuni u sitt mija u ħamsin elf lejl, skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO. Fil-maġġoranza, jew ftit inqas minn 48% tal-każi, intużaw lukandi taʼ erbaʼ stilel.
Dan fisser li dawk li qagħdu fil-lukandi għamlu medja ta’ ħamest iljieli alloġġjati, f’perjodu li kien hawn 323 stabbiliment taʼ akkomodazzjoni kollettiva f’pajjiżna b’aktar minn 21,400 kamra.
Meta jittieħdu l-ewwel disa’ xhur tal-2024 f’daqqa, it-total ta’ persuni li qattgħu xi ljieli fil-lukandi laħqu aktar minn miljun u disa’ mitt elf, żieda ta’ kważi tlettax fil-mija fuq l-istess perjodu sena qabel, li kienet l-aħħar sena rekord fit-turiżmu għal pajjiżna.