Illum, il-Kamra tad-deputati se tiddiskuti mozzjoni tal-Prim Ministru biex taċċetta r-rapport tal-Kummissjoni Elettorali dwar il-konfini elettorali riveduti. Dan wara li l-maġġoranza tad-distretti m’humiex skont il-kwota stabbilità.
Il-kostituzzjoni tipprovdi għal kwota f’kull distrett u n-numru ta’ votanti f’kull distrett ma jistax ikun ta’ 5% iktar jew inqas minn din il-kwota.
Iżda, kif tiġi stabbilita? Is-sistema taqbad in-numru totali ta’ votanti fl-ewwel tnax–il distrett elettorali, li bħalissa huwa ta’ 311,256 u tiddividih b’sittin, in-numru ta’ kandidati li jridu jkunu eletti fuq dawn it-tnax–il distrett elettorali. It-tliettax–il distrett, jiġifieri Għawdex, huwa eskluż dejjem għax bil-kostituzzjoni dak huwa distrett elettorali wieħed.
Meta jsir dan il-kalkolu toħroġ kwota ta’ 25,938. L-ewwel distrett elettorali huwa l-iktar wieħed li għandu inqas minn din il-kwota b’2,000 vot inqas (7.89%), filwaqt li l-ħdax–il distrett elettorali huwa dak li għandu l-iktar b’madwar 2,500 (9.45%) vot żejjed fuq il-kwota. B’differenza ta’ iktar minn 2,000 (7.775) vot żejjed anke t-tnax–il distrett għandu numru ta’ votanti żejda
Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni emendat id-distretti kollha barra id-Disa’ (Għargħur, Msida, Swatar, San Ġwann, Kappara, Swieqi, Madliena u ta’ Xbiex).
Il-kummissjoni nnutat li fil-31 ta’ Marzu 2016, l-għadd ta’ votanti fil-gżejjer Maltin kien ta’ 339,616, li minnhom 28,360 huma f’Għawdex.
Il-kummissjoni sabet dawn id-diskrepanzi:
L-Ewwel Distrett: nuqqas ta’ 2.8 fil-mija (750 votant) mill-minimu;
It-Tieni Distrett: nuqqas ta’ 0.8 fil-mija (21 votant) mill-minimu;
Ir-Raba’ Distrett: nuqqas ta’ 0.68 fil-mija (117 votant) mill-minimu;
Il-Ħames Distrett: jonqos biss 0.11 fil-mija (28 votant) għall-massimu;
Is-Seba’ Distrett: jonqos biss 0.96 fil-mija (248 votant) għall-massimu;
L-Għaxar Distrett: qabeż il-massimu b’4.45 fil-mija (1,153 votant);
It-Tnax-il Distrett: nuqqas ta’ 0.68 fil-mija (175 votant);
Il-Ħdax-il Distrett: qabeż il-massimu b’2.77% (719-il votant)
Skont il-Kostituzzjoni, il-kummissjoni qed tissuġġerixxi dan it-tibdil:
L-Ewwel Distrett: żieda ta’ 994 votant mill-Marsa u 1,893 minn Santa Venera;
It-Tieni Distrett: żieda ta’ 1,718 mill-Fgura;
It-Tielet Distrett: tnaqqis ta’ 1,718 u 6,138 mill-Fġura u żieda ta’ 3,826 minn Ħal Għaxaq u 2,801 minn Marsaxlokk;
Ir-Raba’ Distrett: tnaqqis ta’ 994 votant mill-Marsa u 3,826 minn Hal Għaxaq u 6,138 mill-Fgura;
Il-Ħames Distrett: tnaqqis ta’ 2,801 minn Marsaxlokku żieda ta’ 571 votant minn Ħal Farruġ ( Ħal Luqa);
Is-Sitt Distrett: tnaqqis ta’ 571 vot minn Ħal Farruġ (Ħal Luqa);
Is-Seba’ Distrett: tnaqqis ta’ 221 votant mill-Imdina;
It-Tmien Distrett: żieda ta’ 3,292 minn Ħal Balzan;
Id-Disa’: Distrett: mhux applikabbli;
L-Għaxar Distrett: żieda ta’ 1,628 votant min-Naxxar u 672 minn Baħar iċ-Cagħaq;
Il-Ħdax-il Distrett: żieda ta’ 221 votant mill-Imdina; u tnaqqis ta’ 3,292 minn Ħal Balzan;
It-Tnax-il Distrett: żieda ta’ 1,630 min-Naxxar u tnaqqis ta’ 1,628 min-Naxxar u 221 minn baħar iċ-Ċagħaq;
It-Tlettax-il Distrett: mhux applikabbli.