Raġel Malti ta’ 52 sena jinsab taħt investigazzjoni fi Franza għall-qtil involuntarju ta’ mara u żewġ uliedha fi tmiem il-ġimgħa hekk kif allegatament kien qed isuq karozza taħt l-influwenza tad-drogi u l-alkoħol fuq il-motorway A26 fit-Tramuntana tal-pajjiż, qrib Arras.
Nhar is-Sibt, Laetitia, mara ta’ 42 sena u żewġ uliedha Nael u Yanis ta’ 8 u 10 snin inqatlu fil-karozza tagħhom wara li baqa’ dieħel fuqhom minn wara l-Malti, li s’issa għad mhux magħruf ismu.
Skont il-midja Franċiża, hu ttieħed l-isptar għall-kura bi ġrieħi gravi u peress li instab li kien taħt l-influwenza tad-drogi u xorb kien arrestat mill-pulizija minħabba allegatament qtil involontarju.
Il-mara u uliedha kienu mill-villaġġ ta’ Vimy li spiċċa f’luttu bil-ħwienet is-Sibt filgħodu jibqgħu magħluqin u sar marċ silenzjuż mir-residenti jġorru fjuri bojod. Il-marċ kien organizzat mill-iskola tat-tfal flimkien mal-assoċjazzjoni tal-ġenituri tal-lokal u l-US Vimy Football Club fejn wieħed mit-tfal maqtula kien jattendi.
Sabiex ikun jista’ jingħatalhom funeral xieraq, l-assoċjazzjoni tal-ġenituri fetħet paġna għad-donazzjonijiet fejn s’issa nġabru ’l fuq minn €17,000.